IL-FESTA T-TAJBA LIR-RABTIN KOLLHA
Il-festa tal-Kunċizzjoni hija festa għall-qalb ir-Rabtin kollha b’mod speċjali dawk ta’ madwar San Franġisk. F’Għawdex din il-festa tiġi ċċelebrata wkoll fil-Qala.
Bħalma informajnikom qabel, il-Banda La Stella se tagħmel numru ta’ servizzi f’din il-festa bl-ewwel wieħed ikun illum l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru fit-8pm fejn dimostrazzjoni titlaq minn quddiem il-club tal-Victoria Hotspurs sa quddiem il-Knisja. Minn hemm imbagħad tingħaqad mal-Banda Santa Margerita ta’ Sannat fejn ilkoll jakkumpanjaw l-istatwa tal-Kunċizzjoni ta’ Pawlu Aquilina (2002) madwar it-toroq ewlenin. Fl-aħħar l-istatwa tittellgħa fuq il-pedistal monumentali tagħha, dekorat minn Michael Camilleri Cauchi (2003), waqt li jindaqqu l-innijiet l-“Ave Marija” akkumpanjat mis-Sopran Rosabel Pavia u “Lil Marija Immakulata”, versi tal-mibki Patri Mikiel Bezzina OFM Conv u mużika tas-Surmast Joseph Vella.
L-għada, jum il-festa il-Banda La Stella titlaq fil- 5.15 pm minn ħdejn is-Salib sa quddiem il-Knisja minn fejn wara takkumpanja l-purċissjoni u l-istatwa devota tal-Immakulata Kunċizzjoni, kapulavur fl-injam mill-iskultur Bormliż Salvatore Psaila (1848).
Minn hawn nawguraw lir-Rabtin u lill-komunità Franġiskana l-festa tajba. Ommna Marija fis-sema jixirqilha l-aħjar u dawk li jħobbuha jkantaw u jagħjtu “Int l-unur tal-Poplu tagħna”.
L-Immakulata hija l-Istilla qaddisa fl-Istilla li hu Kristu. J’Alla din tkun okkażjoni ta’ grazzja biex kull wieħed u waħda minna jersaq aktar qrib lejha b’imħabba sinċiera, biex permezz tagħha naqbdu t-triq t-tajba, it-triq li twassalna għand binha l-għażiż, u nkunu nistgħu ingawdu l-Missier Etern, ingawdu lilha, l-Anġli u l-Qaddisin kollha. Viva l-Istilla fi Stilla ! Viva l-Immakulata !
(Ritratti: Joe Attard)