IL-FESTA MAGĦNA !
Novena
Illum tibda n-Novena ta’ San Ġorġ, li din is-sena għandha t-tema “San Ġorġ: Iż-Żagħżugħ ta’ dejjem. Il-Quddies tan-Novena jibda fis-7pm u se jitmexxa mill-Arċipriet Mons. Joseph Curmi. Bħalam għamel aċċenn kemm il-darba l-Arċipriet, in-Novena ma hix tat-tfal u l-adoloxxenti biss imma hija għal kulħadd. Għalhekk nitlaqgħu llejla fil-Bażilika tagħna biex nitħejjew mill-aħjar li nistgħu għall-festa tal-Patrun tagħna.
Armar
Bħalma forsi kulħadd qed jinnota l-Belt Victoria qed tilbes l-libsa tal-festa f’dawn il-jiem. Grazzi lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu l-ħin tagħhom f’din il-biċċa xogħol.
Programm
Ħareġ ukoll il-programm tal-festa li suppost kulħadd irċieva f’daru. Jekk ma għandkomx għaslu waħda sal-Bażilika biex tiġbru kopja. Il-programm f’format PDF.
Attivitajiet tal-Għaqda Żgħażagħ La Stella
Sehem importanti huwa dak tal-Għaqda Żgħażagħ La Stella li għandhom f’idejhom in-nar tal-art fi Triq Enrico Mizzi tat-Tlieta, l-feature awdjo viżiv u spettaklu tan-nar tal-Ħamis u spettaklu tan-nar sinkronizzat mal-mużika fi Pjazza Indipendenza l-Ġimgħa. Bħalma ġara fl-aħħar snin se jsir ukoll l-ispettaklu tal-karti sinkronizzat mal-mużika fil-marċ ta’ filgħodu. Prosit tassew għax-xogħol siewi li għamlu ż-żgħażagħ tagħna.
Baned u Nar
Din is-sena hemm mistiedna sitt servizzi ta’ baned Maltin; Banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi (żewġ servizzi), Il-Kings Own u La Vallette tal-Belt Valletta, Banda Unjoni ta’ Ħal Luqa u l-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara. Baned Għawdxin se jkollna lill-Banda Mnajra tan-Nadur, Banda Santa Margerita ta’ Sannat, Banda Ite ad Josef tal-Qala u l-Banda San Girgor ta’ Kerċem.
Il-kmamar tan-Nar mistednin huma Madonna tal-Virtut Fireworks Factory, St George’s Fireworks Factory, St Joseph’s Fireworks Factory, 12th May Fireworks Factory u St Mary’s Fireworks Factory.
Donazzjonijiet
Bħalma għamilna aċċenn diversi drabi dan kollu huwa possibli biss bl-għajnuna finanzjarja tagħkom. L-ispejjes dejjem jiżdiedu u biex inkomplu dan il-livell ikollna bżonn is-sostenn tagħkom. Grazzi lil dawk kollha li ġa taw id-donazzjoni tagħhom.
Viva San Ġorġ !