Join Us On:

News Archive

IL-BELT VICTORIA TRODD ĦAJR LIL MONS FARRUGIA

Ġeddidna ħafna mill-memorji ta’ jum il-pussess ta’ l-Arċipriet Ġużeppi Farrugia, meta l-bieraħ saret il-konċelebrazzjoni solenni ta’ radd il-ħajr, li għaliha attenda bi ħġaru l-poplu Ġorġjan. Kienet festa li tixraq lill-Arċipriet Farrugia li tant ħadem għall-parroċċa Ġorġjana u ta’ dan aħna minn qalbna nroddulu ħajr. Festa mill-aqwa, bis-sehem tal-banda ċittadina “La Stella” u anke bi sparar ta’ murtali bil-koperazzjoni ta’ l-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri. Għall-konċelebrazzjoni fil-bażilika attenda l-E.T. il-President ta’ Malta Dr Edward Fenech Adami, u diversi membri distinti oħra. Il-konċelebrazzjoni kienet immexxija minn Mons. Ġużeppi Farrugia. Fost il-konċelebranti kien hemm Mons. Pawlu Cardona u Mons. Ġużeppi Attard, l-arċiprieti l-ġodda tal-bażilika ta’ San Ġorġ u tal-parroċċa tal-katidral rispettiviment.

Fl-10.00 il-banda ċittadina u dekana “La Stella” bdiet marċ minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn hemm laqgħet lill-E.T. il-President tar-Repubblika bid-daqq ta’ l-innu nazzjonali u lill-Arċipriet Farrugia bid-daqq ta’ l-innu “Lill-Kbir Martri San Ġorġ”, fost l-applaws kontinwu tal-Ġorġjani u ta’ dawk kollha li kienu preżenti. Kif kien mistenni, it-tempju Ġorġjan kien maħnuq bin-nies. Is-sur Paul Zammit għamel diskors ta’ apprezzament qabel bdiet il-konċelebrazzjoni, fejn semma fost l-oħrajn l-imħabba kbira li l-Arċipriet Farrugia kellu lejn il-Patrun ta’ gżiritna u l-ħidma kontinwa tiegħu biex saru numru kbir ta’ proġetti li komplew isebbħu l-bażilika tagħna. Il-konċelebrazzjoni li damet madwar sagħtejn, kienet animata mill-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” (direttur: Dun George J. Frendo, leader: Dr Maria Frendo) li tiegħu Mons. Farrugia kien ukoll il-fundatur. Lejn tmien il-konċelebrazzjoni saru wkoll xi preżentazzjonijiet lil Mons. Ġużeppi Farrugia, u nqara messaġġ minn Mons. Isqof li fih faħħar lil Mons. Farrugia għall-ħidma kbira tiegħu b’risq il-parroċċa Ġorġjana u d-Djoċesi Għawdxija, kif ukoll għal-lealtà li dejjem wera lejh, tul iż-żmien li serva bħala Ragħaj tad-Djoċesi.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tixtieq turi l-apprezzament tagħha għall-ħidma ta’ Mons. Farrugia bħala ragħaj spiritwali tal-parroċċa tagħha.

Arċipriet, niżżuk ħajr ta’ dak kollu li għamilt b’risq il-parroċċa tagħna, u nawgurawlek aktar ħidma fostna, flimkien ma’ l-arċipriet Mons. Pawl Cardona u l-kapitlu Ġorġjan.

Għal darb’oħra…GRAZZI ARĊIPRIET FARRUGIA.

[ Ritratti: Joe Attard © ]