IL-BELT VICTORIA TINBIDEL F’BELT MAĠIKA
“Lejlet Lapsi – Notte Gozitana”, bla dubju kienet suċċess kbir. Tul it-tlitt ijiem li għaddew, il-belt Victoria kienet miżgħuda b’Għawdxin, Maltin u turisti li ġew biex igawdu jiem b’differenza f’din il-belt. Kollox kien organizzat tajjeb, u l-attivitajiet imtella’ kienu jappellaw għal kull ġenerazzjoni. Fil-pjazez prinċipali tal-belt ġew armati palkijiet apposti fejn ittella’ spettaklu bla waqfien sas-siegħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. Wirjiet, mużika, kant, parati, żfin, ikel u xorb għal kulħadd!
L-eluf li ħonqu l-belt Victoria, ma setgħux ma jżurux it-Teatru Astra, u fuq kollox il-bażilika Ġorġjana, it-tnejn li huma fil-qalba tal-belt – żewġ ġawhar li bihom din il-belt tiftaħar. Kemm it-Teatru Astra, is-sede tas-Soċjetà ‘La Stella’, kif ukoll il-bażilika f’kull ħin u mument kienu maħnuqa bin-nies. Fit-Teatru Astra, minbarra l-ispettaklu kbir imtella’ mill-kumpanija teatrali “Zoo”, li taw diversi shows għall-familja kollha, ittellgħet ukoll wirja dwar is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ u l-festa ta’ San Ġorġ, wirja li ntgħoġbot ħafna, l-aktar minn turisti u minn mijiet ta’ dilettanti tal-festi Maltin u Għawdxin li attendew.
Minbarra l-ispettaklu kbir li ttella’ fi Pjazza San Ġorġ, fil-bażilika l-attivitajiet ma naqsux. Ittellgħet wirja mill-Fondazzjoni Belt Victoria ġewwa ċ-ċentru parrokkjali, saru diversi kunċerti: Chamber Concert li fih ħa sehem Jean Marc Apap fuq Sax Alto u Richard Galliano fuq piano accordion u Kunċert ta’ mużika sagra mill-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” immexxi minn Dun George J. Frendo. Imbagħad is-Sibt filgħaxija, kienu ħafna dawk marru għal ‘guided tours’ li saru madwar il-bini kollu tal-bażilika. Mijiet kienu dawk li telgħu fuq il-bejt tal-bażilika li filwaqt li xorbu l-inbid f’atmosfera mill-aqwa, setgħu jgawdu l-ispettaklu kbir tan-nar ta’ l-ajru li ġie mħejji apposta.
Kienu jiem ta’ maġija, jiem li żgur ser jibqgħu fil-memorja tagħna r-Rabtin. Is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, bħalma dejjem għamlet, ser tkompli tippromwovi attivitajiet simili li jagħtu aktar ħajja u enerġija lill-gżira Għawdxija. Is-Soċjetà tagħna, lesta li tkompli taħdem flimkien ma’ l-awtoritajiet biex nagħtu spinta lill-gżira tagħna u niġbdu aktar Maltin u turisti lejha. Festival Mediterranea huwa wieħed mill-aħħar inizjattivi mis-Soċjetà, li permezz tiegħu, bejn Ottubru u Novembru ta’ kull sena, qed niġbdu numru kbir ta’ turisti u Maltin lejn il-gżira Għawdxija – inizjattiva li ta’ kull sena qed tagħmel suċċess u bla dubju tħalli l-frott.