IL-BANDA LA STELLA TICCELEBRA JUM SAN GORG
Il-Banda Ċittadina ‘La Stella’ tinsab għaddejja bi preparazzjonjiet sabiex jittella’ kunċert bandistiku f’jum San Ġorġ, nhar it-Tnejn 23 ta’ April 2007. Dan il-kunċert ser jinżamm sabiex jitfakkru żewġ ġrajjiet importanti, il-jum tal-20 ta’ April 1882 meta l-istess Banda ‘La Stella’ ġiet maħtura esklussivament biex torganizza l-festa esterna f’ġieh San Ġorġ Martri, protettur ta’ l-Għawdxin, liema festa tiġi organizzata fuq livell tassew għoli kull tielet Ħadd ta’ Lulju u f’jum San Ġorġ, it-23 ta’ April. Dan l-avveniment storiku, li ser jiġi kkommemorat permezz ta’ diversi attivitajiet oħra aktar ’il quddiem, kien sar permezz ta’ kuntratt notarili bejn rappreżentant tal-knisja ta’ San Ġorġ u tliet membri tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Fil-kunċert ser jiġu ppreżentati siltiet kontemporanji fosthom siltiet mużikali tal-kantant ferm popolari Tom Jones, silta moderna mill-film ‘Pirates of the Carribean’, silta operistika, kif ukoll kompożizzjoni tas-surmast direttur ta’ l-istess Banda La Stella, il-Prof. Joseph Vella, li ukoll ser ikun imexxi dan il-kunċert mużikali. M’hemmx dubju li dan il-programm jingħalaq bid-daqq ta’ l-Innu l-Kbir, “A San Giorgio Martire” xogħol ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella, l-Innu Marċ u innijiet oħra marbuta mal-festa popolari ta’ San Ġorġ. Fl-aħħar tal-kunċert ser tiġi ppreżentata u mbierka kopja ta’ statwa ġdida ta’ San Ġorġ, xogħol l-artist Paul Aquilina tal-Belt Victoria. Din l-istatwa ser tittieħed fil-belt ta’ Toronto, l-Canada sabiex tibda tintrema fil-festa Ġorġjana li bosta emigranti Għawdxin u Maltin jiċċelebraw annwalment f’April. Ta’ min jgħid li din l-inizzjativa qiegħed jieħu ħsiebha Ġorġjan mill-Belt Victoria imma li huwa residenti f’Toronto l-Canada, is-sur Giovann Borg. Immedjatament wara li jintemm il-programm ser isir marċ mill-istess banda La Stella minn Pjazza San Ġorġ sal-Każin La Stella, liema marċ ser ikun anke akkumpanjat bl-istatwa ġdida ta’ San Ġorġ. Wara l-marċ ser ikun hemm reception kbira fil-Każin La Stella li għalija huma mistiedna diversi persuni distinti, membri tal-kumitat, il-bandisti, soċji u ħbieb tas-Soċjetà La Stella. Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kulħadd huwa mħeġġeġ sabiex jattendi. Nhar it-Tnejn, 23 ta’ April, il-festi jibdew b’Pontifikal Solenni fil-Bażilika ta’ San Ġorġ li ser ikun immexxi mill-E. T. Mons Nikol Cauchi, Isqof Emeritus. Il-Pontifikal jibda fis-7.00pm bis-sehem sħiħ tal-kor residenti Laudate Pueri u ta’ l-orkestra taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella, il-Prof Joseph Vella.