IL-BANDA ‘LA STELLA’ F’SAN LAWRENZ
Wara l-programm mużikali mill-aqwa li esegwiet il-banda fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp fil-Qala’, fi tmiem il-ġimgħa kien imiss żewġ servizzi oħra marbuta mal-istaġun tal-festi. Il-banda ġiet mistiedna għal darb’oħra biex tieħu sehem fil-festa ta’ San Lawrenz iċċelebrata fir-raħal ċkejken li jġib l-istess isem. F’dan ir-raħal ukoll, l-istess bħall-Fontana u n-Nadur il-banda kellha żewġ servizzi: lejlet il-festa u nhar il-festa.
Lejlet il-festa l-banda għamlet marċ brijuż madwar it-toroq ewlenin tar-raħal li ntemm fil-pjazza. Fi tmiem il-marċ, il-banda sabet postha fuq il-planċier fejn esegwiet l-innu A San Lorenzo ta’ Giuseppe Giardini Vella bis-sehem tas-solisti u l-kor tal-parroċċa. L-għada l-Ħadd, il-banda għamlet marċ qasir qabel il-ħruġ tal-purċissjoni u wara reġgħet mill-ġdid sabet postha biex tesegwixxi l-innu l-kbir waqt il-ħruġ tal-vara. Hekk kif bdiet timmarċja l-purċissjoni, il-banda bdiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella. Il-banda esegwiet numru ta’ siltiet li varjaw minn dawk klassiċi bħall-Preludju mill-opra Verdjana La Traviata; The Band at the Opera – b’selezzjonijiet minn opri liriċi differenti; u Ballet Parisien – xogħol mill-isbaħ ta’ Offenbach; għal siltiet aktar kontemporanji bħal: Thriller; Bossa Nova; tema mill-film The Godfather u xogħlijiet oħra li ġibdu l-interess ta’ numru kbir ta’ persuni li kienu fil-pjazza li nġabru quddiem il-planċier biex isegwu dak li kellha mħejji l-banda tagħna.
L-impenji tal-banda jkomplu fil-festa tal-Assunta fir-raħal taż-Żebbuġ fejn lejlet il-festa l-banda ġiet mistiedna tagħmel marċ u wara ttella’ programm mużikali fil-pjazza. L-aħħar impenn imbagħad fl-istaġun tal-festi jkun il-ġimgħa ta’ wara f’Għajnsielem fejn hawn ukoll il-banda ser tagħmel marċ u programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal.