Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FL-GĦASRI

Nhar il-Ħadd 12 ta’ Ġunju, il-banda La Stella għal sena oħra ġiet mistiedna biex tagħti s-servizz tagħha fil-festa tal-Corpus iċċelebrata fir-raħal ċkejken tal-Għasri, raħal li huwa marbut sew mas-Soċjeta’ tagħna. Fil-fatt għal din il-festa, il-banda La Stella hija għal numru kbir ta’ snin tkun l-uniku banda mistiedna. Fil-fatt f’din il-festa, il-banda għamlet marċ qasir qabel il-purċissjoni u wara akkumpanjat l-istess purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

Dan kien it-tieni impenn tal-banda tagħna fl-istaġun tal-festi li fetaħ bil-festa ta’  San Pawl fil-Munxar fejn il-banda għamlet marċ u esegwiet programm mużikali f’jum il-festa. Wara l-festa fl-Għasri jmiss issa erba’ impenji oħra fi żmien għaxart ijiem. L-ewwel impenn huwa dak ta’ lejlet il-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana, fejn il-banda ser tagħmel marċ brijuż; imbagħad l-għada l-banda takkumpanja l-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Mill-Fontana għax-Xewkija, fejn f’jum il-festa l-banda ser tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza tar-Rotunda u jumejn wara l-banda tieħu sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur. Dan ikun l-aħħar servizz tal-banda qabel l-impenji marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ f’beltna.

Intant, nhar il-Ħadd li għadda ngħaqdet mal-banda tagħna bandista ġdida: Nicole Buttigieg ta’ tnax-il sena li ħarġet iddoqq il-kwartin. Nicole bdiet l-istudji tagħha fit-teorija mas-surmast tal-alljievi George Apap. Wara kompliet bit-taħriġ tagħha fuq l-istrument mal-assistent surmast Noel Beck u George Apap. Nicole hija bint Michel Buttigieg, membru ferm attiv fil-kumitat ġenerali tas-Soċjeta’, kif ukoll kunsillier tal-Kunsill Lokali ta’ beltna. Minn din il-paġna nifirħu ħafna lil Nicole, u nawgurawlha ħafna u ħafna snin ta’ servizz b’risq il-banda La Stella.