IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-ĠIMGĦA MQADDSA
Hekk kif ninsabu dejjem aktar resqin lejn l-aktar ġimgħa importanti fil-kalendarju liturġiku, il-banda ċittadina La Stella qed tħejji ruħha għall-impenji li għandha marbuta ma’ dawn il-festi. Fil-fatt b’kollox huma erbgħa s-servizzi li għandha l-banda tagħna fi żmien ġimgħa.
L-ewwel servizz huwa Kunċert ta’ Mużika Sagra li ser isir ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ, nhar is-Sibt 27 ta’ Marzu fit-8.00pm. F’din l-okkażjoni ser jieħu sehem ukoll il-kor Laudate Pueri. F’dan il-kunċert il-banda taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, ser iddoqq siltiet sagri, kif ukoll marċi funebri mis-sett il-ġdid ta’ marċi funebri.
Dan is-sett ta’ marċi ser jindaqq ukoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ser toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ, il-Ġimgħa 2 ta’ April. Il-purċissjoni toħroġ hekk kif tintemm il-funzjoni liturġika ġewwa l-bażilika. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni, l-banda ddoqq numru ta’ marċi funebri, biex imbagħad hekk kif titfaċċa l-vara l-kbira fil-bieb tal-bażilika, il-banda ssib postha quddiem il-vara u tibda takkumpanja l-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna. F’din il-purċissjoni ser tieħu sehem ukoll il-banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, Malta.
L-aħħar żewġ servizzi in konnessjoni mal-Ġimgħa Mqaddsa huma dawk ta’ jum l-Għid il-Kbir. Filgħodu, il-banda tieħu sehem f’dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ. Filgħaxija l-banda ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dimostrazzjoni oħra bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, din id-darba mill-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana. Fiż-żewġ okkażjonijiet il-banda ddoqq sett mill-isbaħ ta’ valzi.
Intant, is-CD bis-sett il-ġdid ta’ marċi funebri li jġib l-isem: Una Lacrima (Vol. 22) jinsab għall-bejgħ mill-każin tas-Soċ. Filar. La Stella għall-prezz ta’ €12.00.