Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Ninsabu fi żmien ir-Randan, resqin dejjem aktar lejn l-aktar ġimgħa sinifikanti fil-kalendarju tal-knisja kattolika – il-Ġimgħa Mqaddsa. Bħalma jsir ta’ kull sena, il-banda ċittadina La Stella ukoll ser tagħti s-sehem tagħha f’dawn il-festi. Fil-fatt tul il-Ġimgħa Mqaddsa, il-banda ser tkun impenjata tliet darbiet. 

L-ewwel servizz huwa Kunċert ta’ Mużika Sagra li ser isir ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ, nhar it-Tnejn 6 ta’ April fit-8.00pm. F’din l-okkażjoni ser jieħu sehem ukoll il-kor tal-bażilika Laudate Pueri taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo. F’dan il-kunċert il-banda taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, ser iddoqq siltiet sagri, kif ukoll marċi funebri mis-sett li ġie mżanżan is-sena l-oħra. Fl-istess kunċert, ser jinqraw xi siltiet ta’ poeżiji marbuta mat-tema tal-Ġimgħa Mqaddsa u ħa tiġi ppreżentata nota storika fuq il-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-bażilika Ġorġjana.

Dan is-sett ta’ marċi ser jindaqq ukoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ser toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ, il-Ħamis 9 ta’ April filgħaxija. Il-purċissjoni toħroġ hekk kif tintemm il-funzjoni liturġika ta’ Ħamis ix-Xirka ġewwa l-bażilika. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni, l-banda ddoqq numru ta’ marċi funebri, biex imbagħad hekk kif titfaċċa l-vara l-kbira fil-bieb tal-bażilika, il-banda ssib postha quddiem il-vara u tibda takkumpanja l-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna.

L-aħħar servizz in konnessjoni mal-Ġimgħa Mqaddsa huwa dak ta’ Ħadd il-Għid filgħodu, fejn il-banda tieħu sehem f’dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt madwar it-toroq ta’ beltna. F’din l-okkażjoni l-banda ddoqq sett mill-isbaħ ta’ valzi.

Intant, il-banda għadha għaddejja bil-preparazzjoni tagħha għal dawn is-servizzi. Dawk li jixtiequ jakkwistaw kopja tas-CD ta’ marċi funebri 2008 bl-isem: Salvator Mundi (vol. 19) jistgħu jagħmlu dan mill-każin tas-Soċ. Filar. La Stella, matul dawn il-ġimgħat.

(ritratti: Joe Attard)