Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA FIL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Il-Banda Ċittadina La Stella kull sena tieħu sehem fl-eqdem Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li għandna f’Għawdex. Huwa ta’ unur għas-Soċjetà tagħna li f’dawn il-ġranet qaddisa tipparteċipa f’din il-purċissjoni partikolari li żammet is-sura oriġinali tagħha bħala waħda penitenzjali.
 
L-Isqof ta’ Malta Ferdinando Mattei (1761-1829) fil-viżta pastorali tiegħu tal-1809 jagħmel referenza diretta għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira organizzata mill-Konfraternità ta’ Ġesù u Marija fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Meta bdiet eżatt din il-purċissjoni ma nafux, imma l-Konfraternità tad-Duluri li twaqqfet fl-1788 kellha l-obbligu li tieħu sehem f’purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-organizzazzjoni tal-purċissjoni għaddiet f’idejn il-Konfraternità tas-Santissmu Kurċifiss fl-1894 u f’idejn il-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira fl-1983 fejn għadha hekk sal-lum.
 
Fil-fatt dan il-kumitat fi ħdan il-parroċċa ta’ kull sena jieħu ħsieb jiġbor lil dawk li jkunu jridu jieħdu sehem. Jieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tal-opri sagri li jintużaw kif ukoll it-tiġdid tal-apparat neċessarju biex il-purċissjoni tkompli timxi maż-żminijiet filwaqt li żżomm id-dekor u l-oriġinalità tagħha.
 
Għalhekk nhar il-Ġimgħa 6 ta’ April, il-Banda tagħna għal darb’oħra sa tieħu sehem f’din il-purċissjoni hekk importanti billi ddoqq numru ta’ marċi funebri matul il-mixja tagħha fit-toroq prinċipali tal-Belt Victoria, fosthom dawk li qed jiżżanżnu din is-sena.