Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TAL-QALB TA’ ĠESU’

Fil-jumejn li għaddew, il-banda ċittadina ‘La Stella’ għamlet żewġ servizzi fir-raħal tal-Fontana, fejn ġiet iċċelebrata l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Il-banda tagħna ilha għal snin twal tiġi mistiedna biex tagħti s-sehem tagħha fil-festa ta’ dan ir-raħal, u bla dubju mal-poplu u mal-parroċċa tal-Fontana, is-Soċjetà tagħna għandha rabta kbira. Fil-fatt kienet dejjem il-banda tagħna li ħadet sehem fl-aktar ċelebrazzjonijiet importanti ta’ dan ir-raħal, u l-istess banda tieħu sehem dejjem fil-festa sekondarja ta’ dan ir-raħal, dik dedikata lil San Indrija.

Intant is-Sibt 16 ta’ Ġunju, il-banda ‘La Stella’ għamlet marċ brijuż li beda mill-pjazza tal-Fontana u għadda mit-toroq ewlenin ta’ dan ir-raħal. Flimkien mal-banda ‘La Stella’ ħadet sehem ukoll il-banda ‘Ite ad Josef’ tal-Qala. Eżatt kif intemm il-marċ, bħal dejjem indaqq l-Innu l-kbir “Al Sacro Cuor” kompożizzjoni ta’ Mro Vincenzo Ciappara, bis-sehem tas-solisti u tal-kor tal-parroċċa. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Mro Joseph Vella.

Il-bieraħ, il-banda, ġiet mistiedna biex takkumpanja l-purċissjoni devota tal-Qalb ta’ Ġesu’. Mal-ħruġ solenni tal-purċissjoni, il-banda daqqet l-innu l-kbir bis-sehem tas-solisti (Mario Portelli – tenur u Noel Galea – baxx) flimkien mal-kor tal-parroċċa. Wara l-istess banda akkumpanjat il-purċissjoni bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi u proċessjonali.

Nhar il-Ħamis 21 ta’ Ġunju, il-banda tagħna tkun impenjata f’servizz ieħor fir-raħal tax-Xewkija, fejn hawn ser tiġi ċċelebrata l-festa ad unur San Ġwann il-Battista. Dan ser ikun il-ħames servizz, fl-erba’ festi li ġew iċċelebrati s’issa f’Għawdex.