Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TA’ SANTA MARIJA

Hekk kif f’dawn il-ġranet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Ommna Marija Santissima mtella’ s-sema fir-raħal taż-Żebbuġ, il-bieraħ, il-banda ċittadina La Stella ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’din il-festa Marjana ċċelebrata f’dan ir-raħal. Is-servizz kien jikkonsisti f’marċ qasir li beda minn quddiem il-każin tal-banda Santa Marija sal-pjazza. Hemm imbagħad il-banda sabet postha fuq il-planċier fiċ-ċentru tal-pjazza, fejn esegwiet programm mużikali.

L-istess bħal numru kbir ta’ servizzi li kellna din is-sena, il-banda tagħna tellgħet programm mużikali mill-isbaħ b’mużika varjata, taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella. Il-banda daqqet siltiet popolari mill-pinna ta’ kompożituri varji, li tassew intgħoġbu mill-udjenza preżenti fosthom numru kbir ta’ turisti. 

Dan kien it-tnax-il servizz (minbarra t-tmien servizzi li kellna fil-festa ta’ San Ġorġ) li l-banda tagħna għamlet f’dan l-istaġun tal-festi – tnax-il servizz f’disa’ festi f’lokalitajiet differenti f’Għawdex. Wieħed jinnota wkoll li fost dawn it-tnax-il servizz, sebgħa minnhom kienu jikkonsistu fi programm mużikali.

Jonqos issa servizz ieħor fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loretu fir-raħal ta’ Għajnsielem, fejn hawn ukoll il-banda ġiet mistiedna ttella’ programm mużikali ieħor. Dan ikun l-aħħar impenn għall-banda tagħna fl-istaġun tal-festi 2010.