Join Us On:

News Archive

IL-BANDA “LA STELLA” FIL-FESTA TA’ L-IMNARJA

Għal darb’oħra l-banda “La Stella” reġgħet ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl iċċelebrata fin-Nadur. Din is-sena l-banda ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-marċ kbir u popolari ta’ lejlet il-festa. Wara spettaklu kbir tan-nar, għall-ħabta ta’ l-10.30pm beda l-marċ flimkien mal-banda “Mnarja” tan-Nadur, li għadda mit-toroq prinċipali tar-raħal u ntemm bil-kbir fil-pjazza ewlenija tan-Nadur.

Għal dan il-marċ li huwa l-aktar wieħed popolari fil-ġimgħa tal-festa, attendew numru kbir ta’ nies…marċ li kien ukoll imżewwaq bil-briju organizzat miż-żgħażagħ Nadurin. Il-banda “La Stella” li hija magħrufa għas-settijiet mill-isbaħ ta’ marċi li toħroġ ta’ kull sena, daqqet marċi ferm popolari tas-Surmast Vella, ta’ Ciappara, tal-Maġġur Aquilina, Archibald Mizzi fost l-oħrajn. Metai l-marċ deher joqrob lejn il-Pjazza tan-Nadur, iż-żewġ baned ingħaqdu flimkien fejn daqqew diversi marċi brijużi. Dan kien ġest li jkompli juri r-relazzjonijiet ferm tajba li hemm bejn dawn iż¬-żewġ Soċjetajiet Mużikali. Is-servizz intemm billi ż-żewġ baned daqqew flimkien kif kien xieraq, l-Innu marċ f’ġieħ San Pietru u San Pawl, patruni tan-Nadur, kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara.

Dan kien is-sitt servizz li għamlet il-banda “La Stella” fl-istaġun tal-festi 2007. S’issa l-banda ewlenija ta’ beltna ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-festi kollha ċċelebrati f’Għawdex. Bla dubju dan jixhed il-popolarità ta’ din il-banda…banda bħalma dejjem kienet, għadha u tibqa’ fl-ogħla post fil-qasam bandistiku lokali. Intant, il-banda “Mnarja” tan-Nadur tirreċiproka dan is-servizz b’marċ, flimkien mal-banda tagħna nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Lulju fid-dimostrazzjoni grandjuża b’San Ġorġ Rebbieħ, kif ukoll b’marċ u programm nhar il-festa tal-belt Victoria, il-Ħadd 15 ta’ Lulju. Is-servizzi li jmiss għall-banda “La Stella” huma fil-ġimgha tal-festa ta’ San Ġorġ Martri. L-ewwel servizz ikun nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju fejn isir marċ brijuż qabel il-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ Martri, Patrun u Protettur ta’ l-Għawdxin.

Ritratti: Paul Zammit