Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ F’GĦAJNSIELEM

Wasal fi tmiemu l-istaġun ferm impenjattiv tal-festi 2007, għall-banda “La Stella”, banda li bla dubju kienet waħda mill-iktar baned mistiedna fil-festi Għawdxin. Fil-fatt il-banda “La Stella” minbarra t-tmien servizzi li għamlet fil-festa ta’ San Ġorġ, u t-tliet Programmi Mużikali li esegwiet f’okkażjonijiet differenti f’beltna (il-Jum liturġiku ta’ San Ġorġ; Jum l-Ewropa; u Jum il-Belt Victoria), kienet impenjata f’xejn inqas minn ħdax-il servizz ieħor f’festi oħra madwar Għawdex. ’Il quddiem nagħtu ħarsa dettaljata lejn is-servizzi kollha li tat il-banda tagħna fil-festi Għawdxin.

Intant, nhar is-Sibt li għadda, il-banda tat is-sehem tagħha, fil-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem, f’dak li huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar marċi popolari ta’ din il-festa. Flimkien mal-banda tagħna, kien hemm ukoll il-banda “San Ġużepp” t’Għajnsielem. Il-banda tagħna daqqet numru kbir ta’ marċi festivi mis-sett ġdid li żżanżan fil-festa ta’ San Ġorġ Martri 2007. Il-banda daqqet marċi mill-isbaħ kompożizzjonijiet ta’ Ciappara, Bongailas, Pullicino, Borg, Galea, Aquilina, Abela Scolaro, Azzopardi, Bugeja, u bla dubju tas-surmast direttur tal-banda l-Prof. Joseph Vella. Flimkien ma’ dawn il-marċi mill-aqwa, il-banda daqqet ukoll marċi oħra mis-sett tal-brijużi. Kien marċ mill-isbaħ, li għamlu ż¬-żewġ baned, marċ li għalih attendew numru kbir ta’ nies. Il-banda “La Stella” temmet is-servizz tagħha bid-daqq ta’ l-“Ave Maria” fil-pjazza prinċipali tar-raħal.

Ritratti: għajnsielem.com