IL-BANDA ‘LA STELLA’ F’GĦAJNSIELEM
Il-bieraħ waslu fi tmiemhom l-impenji fl-istaġun tal-festi għall-banda ċittadina u dekana La Stella, b’marċ brijuż fir-raħal t’Għajnsielem fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto. Il-marċ brijuż ta’ lejlet il-festa, l-aktar marċ popolari fil-ġimgħa tal-festa t’Għajnsielem beda minn Triq Ħamri, għadda lejn Triq Fawwara u intemm fil-pjazza grandjuża ta’ dan ir-raħal fost briju kbir miż-żgħażagħ tar-raħal. Flimkien mal-banda dekana, ħadet sehem ukoll il-banda tal-post, dik San Ġużepp t’Għajnsielem.
Il-banda La Stella daqqet marċi mis-sett il-ġdid li ġie mżanżan fil-festa ta’ San Ġorġ, flimkien ma’ marċi oħra popolari mill-pinna ta’ Ciappara, Azzopardi, u l-maġġur Aquilina. Hekk kif daqqu nofs il-lejl, il-banda La Stella f’nofs il-pjazza tar-raħal, sellmet lill-patruna ta’ dan ir-raħal bid-daqq ta’ l-Ave Maria. U b’dawn in-noti ta’ dan l-innu Marjan, il-banda dekana temmet staġun ieħor ferm impenjattiv, b’suċċess.
Minn issa ħarsitna tmur fuq il-programm mużikali annwali li din is-sena ser jittella’ s-Sibt 22 ta’ Novembru, bħala l-aħħar avveniment ta’ Festival Mediterranea, festival ta’ kultura mtella’ mis-Soċ. Filar. La Stella bejn l-20 t’Ottubru u t-22 ta’ Novembru. Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu u nirringrazzjaw lill-bandisti kollha tagħna għall-impenn sħiħ li taw dan is-sajf biex il-banda setgħet tonora n-numru kbir ta’ servizzi li kellna kemm f’beltna kif ukoll f’diversi rħula Għawdxin.
31/08/2008