Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA ĠEWWA SANNAT

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, eżattament il-Ħadd 22 ta’ Lulju, jum il-festa ta’ Santa Margerita fir-raħal ta’ Sannat, il-Banda Ċittadina La Stella ġiet mistiedna għal sena oħra biex tieħu sehem f’din il-festa, festa u kommunità li sa minn dejjem kienu u għadhom qrib ħafna tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Is-servizz kien jikkonsisti f’marċ qabel il-ħruġ tal-purċissjoni u programm mużikali fil-pjazza tar-raħal. 

Fis-sebgħa, il-banda bdiet marċ minn Triq il-Kbira lejn il-pjazza tar-raħal, fejn imbagħad wara l-ħruġ tal-purċissjoni ħadet postha fuq l-planċier u esegwiet programm mużikali. Il-Banda Santa Margerita aktar kmieni sellmet il-ħrug tal-vara billli esegwiet l-innu l-kbir tas-surmast Giardini Vella, fuq il-planċier. Hekk kif bdiet miexja l-purċissjoni, il-Banda La Stella taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella, bdiet programm mużikali li fih esegwiet għadd ta’ xogħlijiet mill-isbaħ li għal darb’oħra ntlaqgħu ferm tajjeb minn dawk preżenti. Is-siltiet mużikali li l-banda esegwiet inkludew muzika popolari u kontemporanja.

Il-Banda tagħna minn dejjem kellha rabtiet mill-qrib mar-raħal ta’ Sannat  fejn ilha tagħti s-servizz għal numru kbir ta’ snin.  Mill-banda l-oħra il-poplu ta’ Sannat minn dejjem ħabb lil San Ġorġ li bħal Santa Margerita kien martri ta’ Kristu.  Din is-sena il-Banda Santa Margerita, għal darba oħra kellha żewġ servizzi fil-festa ta’ San Ġorġ.
Minkejja li ġimgħa ilu l-Banda La Stella kienet impenjata f’dik li probabbilment hi l-aktar gimgħa impennjattiva għalijha, u dan għamlitu b’unur u b’suċċess, l-impenji u s-servizzi tal-Banda ikomplu ġimgħa wara.  U dan għadu mhux kollox, filfatt dalwaqt imiss servizz ieħor fir-raħal tal-Qala għall-festa ta’ San Ġużepp.