Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA ĠEWWA SAN LAWRENZ

Il-Banda La Stella kompliet bl-impenji tagħha fil-festi t’Għawdex b’żewġ servizzi fi tmiem il-ġimgħa fir-raħal ta’ San Lawrenz, raħal marbut mill-qrib mas-Soċjetà tagħna fejn ilha għal diversi snin tipparteċipa f’ din il-festa sabiħa.
L-ewwel parteċipazzjoni kienet tikkonsisti f’marċ brijuż lejlet il-festa madwar it-toroq prinċiplali tar-raħal, fejn imbagħad fi tmiem il-marċ il-banda sabet postha fuq il-planċier u esegwiet l-innu l-kbir, kompożizzjoni tas-Surmast Giardini Vella, taħt id-direzzjoni tas-surmast Direttur Prof. Joseph Vella.
L-Għada, jum il-festa, il-banda tagħna reġgħet ġiet fdata b’servizz ieħor importanti. Hija bdiet b’marċ qasir li wassalha sal-pjazza fejn laqgħet l-ħruġ tal-purċissjoni u l-istatwa ta’ San Lawrenz bl-innu l-kbir u numru ta’ innijiet oħra. Wara, għat-tieni darba f’jumejn għamlet kunċert ieħor taħt id-direzzjoni tas-Surmast Vella, fejn daqqiet biċċiet tal-mużika mir-repertorju tagħha, li kien milqu tajjeb ħafna mill-pubbliku preżenti.
Min hawn issa jmiss l-festa tal-Assunta fiż-Żebbuġ Għawdex, nhar il-Ħadd li ġej, fejn għal darba oħra l-banda tagħna se tagħmel kunċert fil-pjazza. Dan huwa impenn ieħor għas-Soċjetà La Stella, servizz li bħal dawk  kollha li saru sa issa f’ dan l-istaġun is-Soċjetà ser tonora b’ impenn u kwalità.