IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ F’SAN LAWRENZ
Fi tmiem il-ġimgħa komplew il-festi fl-irħula Għawdxin u għaldaqstant komplew ukoll l-impenji tal-banda ċittadina La Stella b’żewġ servizzi fir-raħal ta’ San Lawrenz, fejn ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Lawrenz Levita u Martri. F’dan ir-raħal li għandu rabtiet speċjali mas-Soċ. Filar. La Stella, il-banda tagħna ilha għal numru twil ta’ snin tiġi mistienda, u kien hemm żmien fejn f’din il-festa kienet tieħu sehem biss il-banda dekana. Illum li l-festa kompliet tikber baned oħra jipparteċipaw, iżda l-banda La Stella baqgħet iżżomm żewġ servizzi mill-aktar pretiġjużi marbuta ma’ din il-festa.
Is-Sibt 8 ta’ Awwissu, il-banda La Stella ħadet sehem fil-marċ brijuż ta’ lejlet il-festa li kien segwit bl-esekuzzjoni tal-innu l-kbir ‘A San Lorenzo Martire’ kompożizzjoni ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella. L-għada l-Ħadd, jum il-festa l-banda kien imissha servizz ieħor li kien jikkonsisti f’marċ qasir qabel il-purċissjoni, l-esekuzzjoni tal-innu l-kbir u wara programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Għal darb’oħra l-banda taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, esegwiet programm ta’ livell għoli fejn daqqet sitt biċċiet mużikali li jvarjaw minn mużika operistika, mużika minn musicals, mużika pop, kif ukoll mużika mid-dinja taċ-ċinema. Is-siltiet esegwiti kienu: Night at the Ballet ta’ Tchaikovsky; Phantom of the Opera musical mill-pinna ta’ A.L. Webber; Parade of the Charioteers mill-film Ben-hur ta’ Miklos Rozsa; Italian Festival arranġament ta’ Glenn Osser; The Band at the Opera selezzjoni mill-opri Carmen; Pagliacci; Il Trovatore u William Tell fuq arranġament ta’ Joseph Compello; u fl-aħħarnett Eighties Flashback fuq arraġament ta’ Paul Murtha.
Wara l-impenji f’disa’ minn ħdax-il festa ċċelebrati s’issa f’Għawdex, il-banda La Stella tkompli bl-impenji tagħha nhar il-Ħadd 16 ta’ Awwissu b’servizz ieħor fil-belt Victoria. Is-Sibt 22 ta’ Awwissu jkun imiss imbagħad servizz ieħor fil-festa tal-Assunta fiż-Żebbuġ, fejn il-banda ġiet mistiedna tesegwixxi programm mużikali lejlet din il-festa Marjana.