Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ FIX-XEWKIJA

Nhar il-Ħamis li għadda, 21 ta’ Ġunju, il-banda “La Stella” ġiet mistiedna biex tagħmel marċ brijuż fit-toroq tar-raħal tax-Xewkija, fejn hemm ġiet iċċelebrata l-festa ad unur San Ġwann il-Battista. Din kienet l-ewwel darba li l-Banda Ċittadina “La Stella” ħadet sehem fil-marċ hekk imsejjah “Tal-Ħamis” li beda minn ħdejn il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena, għadda mill-pjazza ewlenija tar-raħal, u ntemm fi triq San Żakkarija maġenb il-knisja fejn hemm fost il-briju w l-ferħ tax-Xewkin ġiet imtella’ l-istatwa ta’San Ġwann il-Battista fuq pedestall.

F’dan il-marċ tassew brijuż, u li għalih attendew numru kbir ta’ nies, ħadet sehem ukoll il-banda “San Girgor” tar-raħal ta’ Kerċem. Il-banda “La Stella” hija l-uniku banda ta’ gżiritna li ħadet sehem fil-festi kollha li ġew iċċelebrati f’Għawdex tul ix-xahar li għadda.

Intant l-impenji tal-banda ewlenija tal-belt Victoria ma jiqfux hawn. Nhar il-Ħamis li ġej, lejlet l-Imnarja, il-banda ġiet mistiedna biex flimkien mal-banda “Mnarja” tieħu sehem fil-marċ ferm popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur. Il-marċ li ser jgħaddi mit-toroq ewlenin ta’ dan ir-raħal ser jibda fl-10.30pm. Għal darb’oħra l-banda “La Stella” ser tkun l-uniku banda Rabtija li ser tieħu sehem f’din il-festa, l-istess bħalma kien il-każ fl-erba’ festi l-oħra li ġew iċċelebrati s’issa f’Għawdex.

(Ritratti: Paul Zammit)