Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ FIL-MUNXAR

Il-bieraħ fetaħ l-istaġun tal-festi ġewwa Għawdex bil-festa ad unur San Pawl fir-raħal tal-Munxar. Hekk kif bdew il-festi f’Għawdex, nagħta bidu wkoll għal sensiela ta’ impenji għall-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ – banda li għal darb’oħra ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-maġġoranza tal-festi ċċelebrati f’Għawdex bejn Mejju u Settembru 2008.

Għar-raħal tal-Munxar din is-sena kienet sena speċjali għaliex fiha ġew iċċelebrati l-ħamsin anniversarju tal-Parroċċa, kif ukoll is-sena Pawlina. Għal din l-okkażjoni, il-parroċċa mmexxija mill-kappillan żagħżugħ tagħna, il-Kan. Tonio Galea ħarġu CD b’erba’ innijiet Pawlini rrekordjati fit-teatru Astra mill-banda ‘La Stella’ li jinkludu l-innu l-kbir kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, l-innu marċ ta’ Vincenzo Ciappara u żewġ innijiet reliġjużi ġodda kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella u ta’ Loreanne Formosa. Dan is-CD jinsab għall-bejgħ miċ-ċentru parrokkjali tal-Munxar.

Il-banda fetħet l-impenji tagħha b’marċ madwar it-toroq ewlenin tar-raħal. Hekk kif il-banda waslet fil-pjazza prinċipali tar-raħal, sabet postha fuq il-planċier, fejn hemm laqgħet il-ħruġ tal-istatawa titulari bid-daqq ta’ l-innu reliġjuż miktub fl-okkażjoni tas-sena Pawlina, tal-Prof. Joseph Vella. Dan l-innu reliġjuż kien qed jindaqq għall-ewwel darba f’din il-festa. Eżattament wara ndaqq l-innu l-kbir, kompożizzjoni oħra tas-surmast Vella, miktub fis-sena 1965. Hekk kif intemm l-innu l-kbir, il-banda dekana daqqet ukoll l-innu popolari kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara.

Il-banda, li kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella, imbagħad esegwiet programm mużikali. Is-siltiet esegwiti kienu: “The Wind beneath my wings” ta’ L. Henley u J. Silbar; Selezzjoni mill-opra lirika “Norma” ta’ Vincenzo Bellini; “Italian Festival” ta’ Glenn Osser; “Night at the Ballet” ta’ P. I. Tchaikovsky; u “Overture No. 1 in Bb” ta’ Sunny Galea – programm b’mużika varjata li kompla sebbaħ l-atmosfera festiva fil-qalba tar-raħal.

L-impenn li jmiss għall-banda tagħna jkun nhar il-Ħadd li ġej, fejn ser jiġi rrekordjat is-CD il-ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa ta’ San Ġorġ Martri.