IKOMPLU T-TĦEJJIJIET GĦALL-MUSICAL GREASE
It-tħejjijiet għall-musical Grease bħalissa huma għaddejjin b’rittmu mgħaġġel ħafna. Is-sezzjonijiet kollha involuti, kemm dawk li jinvolvu l-element mużikali, dawk taż-żfin, tax-xenarju, tal-kostumi u l-props, kif ukoll dak kollu li għandu x’jaqsam mal-loġistika, daħlu fil-qalba tal-preparazzjoni u l-organizzazzjoni. Il-musical Grease se jservi wkoll ta’ opportunità eċċellenti għat-talent Għawdxi kif ukoll Malti fejn numru sabiħ ta’ żgħażagħ qed jaħdmu flimkien f’atmosfera ideali għax dan il-produzzjoni partikolari tinvolvi numru ta’ dixxiplini. Inħeġġu lil dawk li għadom ma xtrawx il-biljett tagħhom biex iċemplu fuq 99021591 u b’hekk ma jibqgħux diżappuntati.
Il-musical Grease se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mro Sigmund Mifsud u d-direzzjoni artistika ta’ Chris Gatt. Il-partijiet prinċipali huma fdati f’idejn il-kantant ta’ fama internazzjonali Kevin Borg (Danny) filwaqt li l-parti ta’ Sandy se tagħmilha Maxine Aquilina. Partijiet oħra fil-musical jinkludu s-sehem ta’ Lara Dimech, Jean-Marc Cafa’, Gabriella Azzopardi, Remy Azzopardi, Shannon McEvoy, Fabian Galea, Andrew Scicluna, Francesca Sciberras, Ricky Bugeja, Denise Mercieca, Tara-Marie Mercieca, Andrew Micallef u Maria Zammit Borg. Il-musical qed isir ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ Sudio 18.
Il-voice coaches tal-musical huma Julie Zahra u Mariella Spiteri Cefai, filwaqt li l-koreografija hija fdata f’idejn Christabel Bajada.