Join Us On:

News Archive

IKOMPLU S-SERVIZZI TAL-BANDA ‘LA STELLA’

Filwaqt li hawn baned li kellhom sajf ferm rilassanti, dan mhux l-istess jista’ jingħad għall-banda ċittadina “La Stella”. Il-banda ewlenija ta’ beltna, ħadet sehem fil-festi kollha li ġew iċċelebrati s’issa f’Għawdex, minbarra f’ta’ Kerċem. Fost dawn il-festi hemm inklużi wkoll in-numru kbir ta’ servizzi li l-banda tagħna għamlet fl-okkażjoni tal-festa tal-patrun ta’ gżiritna San Ġorġ Martri.

Is-seba’ servizz, barra mill-belt Victoria, ser jeħodna ġewwa r-raħal ta’ Sannat, fejn nhar il-Ħadd tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Margerita. Ir-raħal ta’ Sannat, li nistgħu ngħidu li huwa fortizza oħra ta’ l-Istilla, minn dejjem kellu relazzjonijiet mill-aqwa mas-Soċjetà tagħna u anke mal-Parroċċa Ġorġjana. Fis-servizz ta’ nhar il-Ħadd li ġej, il-banda “La Stella” għal darb’oħra ġiet mistiedna biex tagħmel marċ qabel il-purċissjoni, u wara l-ħruġ tal-purċissjoni tesegwixxi Programm mużikali fil-pjazza, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella.

Minn hawn irridu nirringrazzjaw lill-bandisti tagħna, li onoraw kull servizz li kellha l-banda s’issa. Il-banda “La Stella” hija banda li l-impenji tagħha ma jieqfu qatt, u meta tqis is-sagrifiċċji li jagħmlu dawn l-individwi, b’imħabba kbira lejn is-Soċjetà tagħna, xieraq li nuru apprezzament lejhom u fuq kollox lejn il-familji tagħhom.