IKOMPLU L-FESTI KBAR F’ ĠIEĦ SAN ĠORĠ
Nhar il-Erbgħa beda t-tridu fil-Bażilika Ġorġjana, segwit bl-innu, antifona u Barka Ewkaristika. Filgħaxija saret il-dimostrazzjoni popolari b’San Ġorġ taż-Żiemel bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Santa Margerita ta’ Sannat. Il-bieraħ, it-tieni jum tat-tridu, fil-Bażilika sar kollox bħal jum ta’ qabel u wara kien imiss id-dimostrazzjoni ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex bis-sehem tal-Banda San Ġorġ ta’ Hal-Qormi u l-Banda Unjoni ta’ Hal Luqa, minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza Savina. Hemmhekk saret preżentazzjoni awdjoviżiva fuq San Ġorġ u spettaklu tan-nar imtellgħin mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.
Illum huwa t-tielet jum tat-tridu. Fil-Bażilika kollox bħal jum ta’ qabel. Wara, fid-9pm eżekuzzjoni fi Pjazza San Ġorġ tal-innu l-kbir Su Garzoni (1894), l-ewwel innu l-kbir ta’ Għawdex. Il-Banda Ċittadina La Stella se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud bis-sehem tal-Kor tat-tfal Piccole Stelle u s-sopran Ruth Portelli.
Wara dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbiegħ (1894) ta’ Vincenzo Cremona, li hi ukoll l-ewwel statwa titulari f’Għawdex għall-festi esterni. Id-dimostrazzjoni se tkun bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Ċittadina La Valette tal-Belt Valletta. Wara tlugħ tal-istatwa, spettaklu tan-nar sinkronizzat mal-mużika fi Pjazza Indipendenza, imtella’ mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.