Join Us On:

News Archive

IKOMPLI L-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Nhar is-Sibt 16 ta’ Ġunju l-Awla Mgr. Ġużeppi Farrugia li tifforma parti miċ-ċentru parrokkjali u kulturali fi ħdan il-Bażilika Ġorġjana laqgħet fiha għall-ewwel darba f’Għawdex kor Ġappuniż, ‘PRIMAVERA’.

Minn ħafna qabel li beda dan il-kunċert korali kien jixhed li kien ser ikun hemm folla kbira, udjenza li kienet diġà mliet kull post provdut f’din is-sala. U dan m’hemmx dubju jawgura tajjeb għall-kumplament tal-kunċerti li ser jittellgħu matul il-festival.

Hekk kif id-direttur artistiku tal-kor Mro. Hiiroshi Kobayashi għamel introduzzjoni u rringrazzja lil organizzaturi għal din l-istedina li kienu għamlu lejhom, ngħata bidu għall-ewwel silta korali, ‘Dona nobis pacem’ xogħol mirqum bis-sehem ta’ alto u tenur. Mill-ewwel deher li din is-serata kienet ser tkun waħda eċitanti u dan xehed bl-applawsi kbar li l-istess kor irċieva wara din is-silta.

Is-serata kompliet b’diversi siltiet korali u anke bis-sehem ta’ diversi solisiti li jiffurmaw parti mill-kor Primavera.

Ta’ min isemmi silta mill- opra bħal ‘Vissi d’Arte’ ta’ Puccini, interpretata b’mod stupend mis-sopran Tamiko Miyaji li fl-opinjoni tagħna kienet biex ngħid hekk l-istilla tas-serata. Ta’ min isemmi silta oħra famuża ta’ Puccini mill-Madame Butterfly li ġiet kantata b’mod perfett mill-mezzo sopran Kimiko Nakazawa u s-sopran Miwako Nakamae.

Impressjona ħafna anke l-fatt li bosta mill-artisti kien lebsin kostumi tradizzjonali Ġappuniżi fosthom il-famuża ‘kimono’ li ħafna minnha nassoċjawa ma’ l-opra ‘Madame Butterfly’ u saħansitra ma’ l-operetta famuża li saret f’kemm il-staġun teatrali fit-Teatru Astra, ‘Il-Geisha’ ta’ Sydney Jones.

Is-serata tkompliet b’aktar mużika mimlija armonija, kor b’vuċi waħda. Kien jidher il-ferħ kbir li bih dan il-kor kien qiegħed jittrażmetti lilna l-mistednin, tant u tant mużika ħierġa mill-qalb. Każ preċiz ta’ ‘the hills (halls) are alive with the sound of music!’

Intant il-final ta’ dan il-kunċert intlaħaq b’żewġ siltiet interessanti fosthom għanja tradizzjonali Ġappuniża fejn il-kor beda jikkollobora b’diversi modi mas-solisti b’tant ħlewwa. Il-programm intemm b’silta korali oħra, silta magħrufa sewwa mal-mistednin tas-serata, silta taljana mimlija ferh u briju, ‘Funiculi Funicula’. L-interpretazzjoni kultant inħasset kważi estranja meta tieqaf u taħseb li wara kollox silta Taljana bħal din qiegħda titkanta min kor Ġappuniż. Jien

Il-mistednin kienu mill-ġdid immexxija mill-Arċipriet Mgr. Ġużeppi Farrugia li dan ukoll huwa l-Patrun tal-kumitat organizzattiv. Ta’ min jgħid li Mgr. Farrugia joffri l-għajnuna kollha possibli sabiex il-festival jirnexxi mija fil-mija. Mill-ġdid ukoll kienu preżenti s-sur Anton Tabone, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti flimkien mas-sinjura tiegħu, il-Prof. Joseph Vella u s-sinjura tiegħu flimkien ma’ bosta ħbieb u patruni ta’ l-arti f’Għawdex. Hekk kif spiċċa l-kunċert il-kor u l-mistednin kienu mistiedna għal bibita ta’ l-okkażjoni fejn hemmhekk ġew offruti xi rigali ta’ tifkira.

(Ritratti: Joe Attard)