Join Us On:

News Archive

IKLA U QUDDIESA FIL-BIDU TAS-SENA L-ĠDIDA

Saret tradizzjoni li fil-bidu ta’ sena ġdida tiġi offruta ikla għall-membri kollha tas-Soċjetà tagħna. Din is-sena l-ikla saret nhar is-Sibt 19 ta’ Jannar ġewwa Palazzo Margerita f’ta’ Sannat. Għal din l-ikla kien hemm preżenti l-membri tal-kumitat immexxija mill-president Dr Joseph Grech; is-surmast Joseph Vella; bandisti u diversi membri ta’ sotto-kumitati fi ħdan is-Soċjetà La Stella. F’din l-okkażjoni kien ta’ pjaċir ukoll nilqgħu magħna lill-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa Mons. Pawlu Cardona, kif ukoll lid-direttur spiritwali l-ġdid tas-Soċjetà Mons. Ġużeppi Farrugia.

L-għada l-Ħadd 20 ta’ Jannar, Mons. Ġużeppi Farrugia beda l-ħidma tiegħu bħala direttur spiritwali tagħna b’quddiesa fil-bażilika ta’ San Ġorġ, li għaliha attendew diversi membri tal-kumitat immexxija minn Dr Joseph Grech, u numru sabiħ ta’ bandisti. Din il-quddiesa kienet animata mill-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.

Fl-omelija li saret minn Mons. Farrugia, huwa rringrazzja lis-Soċjetà “La Stella” li għażlitu biex ikun id-direttur spiritwali tagħha. Huwa faħħar il-fatt li Soċjetà mużikali bħalma hija tagħna tħoss il-bżonn li jkollha direttur spiritwali tagħha, għax dan ifisser li s-Soċjetà trid gwida fejn jidħol dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja umana, jiġifieri r-relazzjoni ma’ Alla. Dan ifisser li s-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tagħraf li r-relazzjoni m’Alla m’hix biss kwistjoni privata u individwali tal-membri tagħha, imma hija kwistjoni li għandha wkoll l-aspett soċjali, kollettiv, hekk li l-assoċjazzjoni tal-membri fi ħdanha għandha jkollha indirizz li jgħin lill-istess membri fil-ħajja Kristjana.

Ġejna mfaħħra għall-maturità li wrejna f’dawn l-aħħar xhur u f’tant okkażjonijiet reċenti, u inqas reċenti – tifħir li wasal anki mir-rgħajja tad-djoċesi tagħna għal maturità mhux komuni li wrejna, u li aħna rridu nibqgħu nuru. Mons. Farrugia għalaq il-messaġġ tiegħu billi qalilna li bl-għażliet eżemplari ta’ ħajja li nagħmlu u bl-imġiba pubblika tagħna nkunu qegħdin mhux biss nirċievu t-testimonjanza ta’ Ġwanni l-Battista, imma nkunu wkoll qed ningħaqdu miegħu, u mal-Knisja fix-xhieda li trid tagħti ta’ Kristu, l-Iben t’Alla fostna.