IĦALLINA S-SUR PAUL M CASSAR
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tinsab f’luttu, wara li rċeviet l-aħbar ħażina li kien ħalliena s-Sur Pawlu Cassar, eks Segretarju Ġenerali u Eks President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-kontribut kbir tas-Sur Cassar fis-Soċjetà Filarmonika tagħna jagħmlu bħala waħda mill-kolonni ewlenin ta’ din il-kommunità. L-imħabba kbira li kellu lejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella, t-Teatru Astra u l-Bażilika ta’ San Ġorġ kienet ammirevoli u nistgħu ngħidu baqgħet soda sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Affarijiet li xi kultant ma jitwemmnux imma ftit ġimgħat ilu biss tnieda l-ktieb tiegħu Teatru Astra – Proġett għal Dejjem, ktieb li fih Pawlu ħalla testimonjanza ta’ dak kollu li għadda minnu l-kumitat taħt it-tmexxija tiegħu biex inbena t-Teatru Astra, li llum huwa ċentru kulturali prinċipali fil-gżejjer Maltin. Il-funeral tas-Sur Pawlu Cassar se jsir nhar it-Tnejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Programm dettaljat jingħata aktar tard.
Minn din il-paġna s-Soċjetà Filarmonika La Stella twassal il-kondoljanzi lill-Familja Cassar.
Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
(Ritratt: Joe Attard)