Join Us On:

News Archive

IĊĊELEBRAT JUM SAN ĠORĠ

Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella fakkret Jum San Ġorġ, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ April b’dimostrazzjoni mill-isbaħ bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex. Matul din id-dimostrazzjoni li bdiet fi Pjazza San Ġorġ u ntemmet fost il-briju tal-partitarji Ġorġjani quddiem il-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika. Matul din id-dimostrazzjoni li fetħet bl-innu La Stella u bid-daqq tal-innu popolari "Ġorġi tagħna", il-banda daqqet numru ta’ marċi popolari.

Kif semmejna aktar qabel, id-dimostrazzjoni saret bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex, xogħol l-artist Għawdxi Michael Camilleri Cauchi. Din l-istatwa li nħadmet fis-sena 2008, tinħareġ nhar it-tieni jum tat-tridu fil-festa ta’ Lulju u tittella’ fi Pjazza Savina. Din is-sena nħarġet ukoll għall-ewwel darba fil-festa liturġika t’April.

Intant, il-qofol ta’ din is-solennita’ ntlaħaq b’pontifikal immexxi mill-Vigarju Ġenerali tad-djoċesi Mons. Giovanni Bosco Gauci, li niseġ  ukoll omelija mill-isbaħ dwar il-"kbir Patrun ta’ beltna u ta’ ġensna". F’dan il-pontifikal solenni ħa sehem ukoll il-kapitlu u l-kleru tal-bażilika, u f’din l-okkażjoni ndaqqet il-Missa Sancte Ioannis Baptiste (orkestrata minn Mro Giuseppe Giardini Vella) mill-orkestra u l-kor li kienu taħt id-direzzjoni tal-Kan. Ġorġ Frendo, assistent maestro di cappella fl-assenza tal-Prof. Joseph Vella.

Matul din il-ġurnata saret ukoll l-ikla tal-festa fil-każin La Stella li għaliha attendew numru sabiħ ta’ partitarji. Minn issa tkompli l-ħidma tagħna lejn il-festa l-kbira li niċċelebraw f’nofs Lulju. Fil-fatt, min-nhar il-Ħamis 13 ta’ Mejju, nibdew bid-disa’ Ħamisijiet ta’ San Ġorġ li jwassluna għall-festa ta’ Lulju.