IĊĊELEBRAT JUM SAN ĠORĠ
Il-bieraħ, il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju, id-djoċesi ta’ Għawdex fakkret is-solennita’ ta’ San Ġorġ Martri, Patrun tal-belt Victoria u tal-istess djoċesi. Il-festi laħqu l-qofol tagħhom filgħaxija b’pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Isqof Mario Grech fil-bażilika, u eżattament wara l-banda La Stella għamlet marċ brijuż bl-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol Austin Camilleri, li toħroġ kull sena fl-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa fil-festi ta’ Lulju.
Il-banda La Stella fetħet l-impenn tagħha bid-daqq tal-innu tas-Soċjeta’ u l-innu marċ Lill-Kbir Martri San Ġorġ ta’ Vincenzo Ciappara fost il-kant u l-entużjażmu ta’ numru kbir ta’ Ġorġjani li attendew kemm għall-pontifikal, kif ukoll għaċ-ċelebrazzjonijiet esterni. Wieħed seta’ jinnota wkoll għadd imdaqqas ta’ Ġorġjani Qriema li għoġobhom jingħaqdu magħna f’dan il-jum ta’ festa. Il-banda mmarċjat lejn Pjazza Indipendenza u mbagħad lejn Triq ir-Repubblika bid-daqq ta’ marċi popolari. Il-marċ laħaq il-qofol tiegħu quddiem il-każin tas-Soċjeta’.
Minn issa ħarsitna tmur lejn il-festi kbar li ta’ kull sena jiġu ċċelebrati f’nofs Lulju f’ġieħ il-Patrun t’Għawdex San Ġorġ. Kull sezzjoni fi ħdan is-Soċjeta’, li hija fuq kollox responsabbli mill-festi esterni, tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha, biex inkunu nistgħu ngawdu l-frott mixtieq fil-ġranet sbieħ tal-festa. Il-banda min-naħa tagħha tinsab għaddejja bil-preparazzjoni tal-marċi brijużi l-ġodda li jiġu mżanżna fit-tieni dimostrazzjoni tal-festa – li r-rekording tagħhom ser isir il-ġimgħa d-dieħla, eżattament is-Sibt 14 ta’ Mejju fuq il-palk tat-teatru. Aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.