ĦIDMA INTENSIVA FIT-TEATRU ASTRA
Kull min iħobb l-opra lirika jaf tajjeb li x-xenarju huwa parti importanti għas-suċċess ta’ kwalunkwe produzzjoni. Din is-sena wkoll wieħed mill-elementi prinċpali tal-produzzjoni tan-Norma hu x-xejnaru u kollox qed juri li r-riżultat finali ser ikun wieħed promettenti ħafna. F’ dawn il-ġranet jinsab għaddej xogħol intensiv fuq l-palk tat-Teatru Astra. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tas-sett qed isir minn tim immexxi minn Joseph Cauchi, xenografu, u Emanuel J Farrugia u Carmel Zammit stage managers tal-istess palk. Il-ħsieb oriġinali li jikkumplimenta r-regia tal-opra sar minn Enrico Stinchelli li hu d-direttur artistiku tal-istess produzzjoni. Dawn huma mgħejjuna minn Donald Micallef u Andrew Portelli fost l-oħrajn.
Minbarra x-xogħol fuq x-xenajru, li kien jinvoli bini ta’ strutturi tal-ħadid, l-opra ta’ din is-sena se toffri wkoll spettaklu kbir ta’ dawl. It-tim li qed jaħdem fuq dan il-qasam hu mmexxi minn George Zammit. Fuq in-naħħa l-oħra mbagħad qed isiru l-aħħar irtokki u preparamenti fuq il-kostumi u l-ħafna aċċessorji mitluba f’din il-produzzjoni. Bħas-snin l-imgħoddija, din is-sezzjoni hi kkordinata minn George Farrugia u Manuel Grima.
L-opra fit-Teatru Astra, anke dik ta’ din is-sena, in-Norma ta’ Vincenzo Bellini hija mera tat-talent li jeżisti fis-Soċjetà Filarmonika La Stella u okkażjoni oħra li tpoġġi lit-Teatru Astra u lis-Soċjetà quddiem nett fil-qasam kulturali u artisktu tal-gżejjer Maltin.
L-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra Norma se ssir nhar is-27 ta’ Ottubru u se ssir oħra jumejn wara, fid-29 ta’ Ottubru. Wieħed jista’ jibbukkja billi jċempel fuq 21550985 jew 79256897 jew jikteb fuq [email protected] Għal aktar informazzjoni żur s-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.
Link għall-Promo tal-Festival www.youtube.com/watch
(Ritratti: Joe Attard)