HODIE CHRISTUS NATUS EST
Sena oħra tgerrbet tiġri biex sibna ruħna mill-ġdid fil-jum speċjali u għażiż tal-Milied. Wara l-Għid, il-jum li fih infakkru t-Twelid ta’ Sidna hu l-aktar importanti fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika. F’Malta, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, dan iż-żmien qaddis hu kkumplimentat minn tradizzjoni kulturali mfawra bi drawwiet ħelwin, l-aktar fosthom il-Presepju.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella din is-sena għażlet li tiċċelebra l-festi tal-Milied b’differenza ċkejkna mis-soltu. Dan għax l-Għaqda Bandisti Żgħażagħ La Stella, organizzazzjoni li rat it-twelid tagħha ftit tax-xhur biss ilu, ħadet ħsieb torganizza festival żgħir ta’ attivitajiet innovattivi: Miliedfest 2008. Il-programm intlaqa’ tajjeb ħafna u numru kbir ta’ nies diġà żaru s-sede tas-Soċjetà fi Triq ir-Repubblika biex jattendu għal xi attività minnhom, barra li kellhom l-opportunità li jitgħaxxqu bit-tiżjin tal-Milied fil-każin, bil-prominenza mogħtija lill-presepju li ntrama mill-bandist Karmnu Farrugia hekk kif tiħdol fuq il-lemin. Il-każin tagħna, kif jagħmel kull sena, silef ukoll it-teatru tiegħu lil bosta organizzazzjonijiet li f’dan iż-żmien itellgħu concerts jew attivitajiet oħra. Għalhekk fit-Teatru Astra wkoll jinħass sewwa l-ispirtu sabiħ tal-Milied, fejn minkejja l-btajjel ta’ mistrieħ l-attività tibqa’ għaddejja. Inħeġġu lill-partitarji kollha Ta’ l-Istilla biex ma jitilfux l-attivitajiet li jonqos f’Miliedfest 2008. Is-Soċjetà tagħna, bħala promutur ewlieni tal-kultura għolja fi gżiritna, qed tingħaqad ma’ istituzzjonijeit oħra biex tiċċelebra kif jixraq din il-festa ta’ ferħ u paċi.
Għalhekk, id-direzzjoni ta’ din il-websajt tissieħeb ma’ l-entitajiet kollha fi ħdan is-Soċjetà La Stella biex tixtieq lilkom, qarrejja kollha tagħna, Milied hieni u qaddis. Nixtiequ minn qalbna li l-ferħ tal-Feddej imwieled għalina f’Betlehem jilħaq il-familji kollha tagħkom, u li l-istilla li għammxet għajnejn dawk li lemħuha u segwewha sa l-għar tat-Twelid iddawlilkom ukoll it-triq lejn il-verità.