HALLEJTNA KMIENI WISQ!
Tard il-bieraħ filgħodu ġriet bħal leħħa ta’ berqa l-aħbar traġika li ħallietna Christine Gauci, fl-età żghira ta’ 35 sena.
Christine Gauci, suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, kienet iddoqq is-saxophone soprano mal-Banda Ċittadina La Stella u ħarġet għall-ewwel servizz fl-1 ta’ Frar 2015, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Bosco ġewwa l-Belt Victoria. Il-mewta traġika ta’ Christine se nħossuha mhux ftit. Dan għaliex Christine, minbarra li kienet bint u membru attiv fil-parroċċa tagħna, kienet tinteressa ruħha f’ħafna oqsma u sezzjonijiet fejn tidħol is-Soċjetà Filarmonika La Stella. Christine kienet bandista eżemplari billi tattendi kważi għas-servizzi kollha tal-banda. L-attitudni tagħha kienet waħda pożittiva ħafna, tkellem lil kulħadd u turi passjoni u enerġija kbira f’dak kollu li tagħmel.
Il-Banda Ċittadina La Stella se tkun qed tagħti l-aħħar tislima lil Christine waqt il-funeral tagħha nhar il-Ħamis 23 ta’ Jannar 2020 fis-2.30 pm minn Triq ir-Repubblika sa Triq San Ġużepp. Fi Pjazza San Ġorġ stakkament tal-Forzi Armati jagħtu l-aħħar tislima lil Christine. Fl-4pm issirilha l-quddiesa tal-funeral praesente cadavere ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.
Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tagħha kollha b’mod partikulari lil Mons. Gużeppi Gauci li huwa z-ziju ta’ Christine. Christine issa marret tiltaqa’ ma missiera l-għażiż u li tant kienet tħobb, biex tgawdi għal dejjem lil San Ġorġ, ‘suldat’ ieħor bħala, lil Ommna Marija u binha Ġesu.
Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.