Join Us On:

News Archive

GRAZZI MONS. ĠUŻEPPI FARRUGIA

Għada l-Ħadd 28 t’Ottubru, il-Komunità Parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri ser tagħti ġieħ lil Mons. Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu, tal-bażilika tagħna – ġieh mistħoqq lil saċerdot li ħadem bla heda b’risq il-parruċċani u b’risq it-tempju majestuż tagħna. Mons. Farrugia, bniedem umli u ta’ qalb kbira, kellu għal qalbu l-kultura, u fid-disa’ snin li għamel bħala ragħaj spiritwali tal-parroċċa tagħna, ippromwova l-kultura bħala mezz ieħor ta’ evanġelizzazzjoni. L-Arċipriet Farrugia, li dejjem wera lealtà lejn ir-Ragħaj Spiritwali tad-djoċesi, minbarra x-xogħol pastorali, wettaq numru kbir ta’ proġetti, li b’determinazzjoni u kuraġġ irnexxielu jlesti biex jitgawdew minna l-Ġorġjani, u minn dawk kollha li jifrekwentaw il-ġmiel ta’ bażilika tagħna. Ma nistgħux ma nsemmux il-bini taċ-ċentru parrokkjali, il-bini tal-kappella biżantina, is-sistema ġdida ta’ illuminazzjoni fil-bażilika, u numru kbir ieħor ta’ proġetti.

Mons. Ġużeppi Farrugia, kellu għal qalbu wkoll iż-żgħażagħ, u tul id-disa’ snin li għaddew ħadem ferm fil-qrib magħhom, u ħadem biex twaqqaf il-grupp taż-żgħażagħ 23four fil-parroċċa tagħna. Ta sehem kbir biex ittellgħu żewġ musicals mill-aqwa: “Ir-Rebbieħ” u “Ir-Ribell” fit-Teatru Astra, produzzjoni tal-grupp taż-żgħażagħ 23four.

Mons. Farrugia ħadem ukoll fil-qrib mas-Soċjetà Filarmonika “La Stella” – Soċjetà li dejjem ħadmet fl-interessi tal-parroċċa Ġorġjana u li dan ser tkompli twettqu wkoll fil-futur. Kif inhu xieraq, għada l-banda tagħna ser tagħti ġieh lil dan l-Arċipriet maħbub b’marċ minn Triq ir-Repubblika sal-knisja Arċi-Matriċi ta’ beltna, li ser jibda fl-10.00am.

Eżatt kif jintemm il-marċ mill-banda ċittadina “La Stella”, Mons. Farrugia ser imexxi konċelebrazzjoni solenni fil-bażilika ta’ San Ġorġ Martri fil-11.00am. Fost il-persuni distinti ser ikun hemm preżenti l-E.T. il-President ta’ Malta Dr Edward Fenech Adami, flimkien mal-familjari ta’ Mons. Farrugia, membri ta’ kumitati fi ħdan il-parroċċa u fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, parruċċani u ħbieb. Mons. Pawlu Cardona, is-suċċessur tiegħu ser jikkonċelebra. Il-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” ser janima din il-konċelebrazzjoni solenni taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo. Ser tiġi kantata “Missa Papae Marcelli” ta’ Giovanni Pieluigi da Palestrina, flimkien ma’ motetti sagri.

Is-Sur Paul Zammit, viċi president tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, ser jagħmel diskors ta’ apprezzament għall-ħidma pastorali ta’ Mons. Ġużeppi Farrugia tul dawn l-aħħar disa’ snin.

Nistiednu lil membri tal-komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ, biex għada lkoll flimkien nuru l-apprezzament tagħna għall-ħidma fejjieda mwettqa minn Mons. Farrugia, b’risq il-parroċċa tagħna.

Nirringrazzjawk Arċipriet, u nawgurawlek aktar snin ta’ ħidma fostna, flimkien ma’ Mons. Pawlu Cardona, ir-ragħaj spiritwali l-ġdid tal-parroċċa tagħna.

GRAZZI ARĊIPRIET FARRUGIA

george apap
lastella.com.mt.mt

ritratti: Joe Attard