ĠIMGĦA MPENJATTIVA GĦALL-BANDA LA STELLA
Din il-ġimgħa ċertament kienet waħda impenjattiva għall-Banda Ċittadina La Stella. Nhar il-Ħadd li għadda l-banda pparteċipat fil-Velja Solenni tal-Martirju ta’ San Ġorġ, fi Pjazza Indipendenza. Il-Banda laqgħet il-Patrun ta’Għawdex waqt il-ħruġ bid-daqq ta’ diversi innijiet u wara akkumpanjat l-istatwa sa ma waslet fi Pjazza Indipendenza fost iċ-ċapċip tad-devoti u l-ħafna parruċani li kien hemm preżenti. Waqt il-velja, li tmexxiet minn Fr Richard Nazzareno Farrugia, saru diversi interventi mużikali mill-Banda flimkien mal-Kor Laudate Pueri. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tal-Assisent Surmast Sigmund Mifsud filwaqt li l-kor kien taħt it-tmexxija tal-Kan. George J. Frendo. Kien preżenti wkoll l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona flimkien mal-Kapitlu u l-Kleru. Wara, l-Banda akkumpanjat l-istatwa devota lura lejn il-Bażilika fejn sar d-dħul trijonfali. Ritratt tal-avveniment minn Joseph Zammit qegħdin fuq din il-link.
L-Għada, t-Tnejn, Jum is-Solennità Liturġika ta’ San Ġorġ, il-Banda akkumpanjat l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbiegħ minn Pjazza San Ġorġ sal-Każin La Stella. L-Erbgħa, 30 ta’ April saret il-gradwazzjoni tal-bandisti l-ġodda fejn sar kunċert żgħir mill-istudenti, liema attività kienet suċċess ukoll. Qassmu ċ-ċertifikati s-Surmast Direttur Prof. Joseph Vella u l-President tas-Soċjetà s-Sur Paul M Cassar.
Naturalment il-qofol tal-impenji jintlaħaq għada filgħodu fejn jekk it-temp jippermetti toħroġ mill-ġdid l-istatwa kapulavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi mat-toroq ta’ Beltna li naturalment tkun akkumpanjata mill-Banda La Stella.
(Ritratti: Joseph Zammit, Noel Micallef, Toni Farrugia, Joe Attard)