GĦAŻIŻA OMMI FIT-TEATRU ASTRA
Spettaklu teatrali b’tema Marjana f’Jum l-Omm
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, tal-belt Victoria, Għawdex, ser ittella’ spettaklu teatrali mill-isbaħ fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2014 fit-8.00pm, fit-Teatru Astra. Dan l-ispettaklu ta’ mużika, kant, drama u żfin ser jinvolvi s-sehem ta’ kast iffurmat minn madwar mitt persuna, bejn tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u adulti.
Fost l-oħrajn ser jieħu sehem il-kor tat-tfal ta’ l-istess Soċjetà, Piccole Stelle, taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai, flimkien ma’ għadd kbir ta’ tfal u adoloxxenti li ser itellgħu żewġ rappreżentazzjonijiet drammatiċi qosra b’rabta ma’ Jum l-Omm, l-atturi tat-Teatru Astra li ser jippreżentaw il-kummiedja brillanti ‘Ġanni l-Makakk’, kif ukoll il-gruppi taż-żfin Centre Stage Dance Academy, YADA Dance Company (Gozo) u Dance Cradle. Id-direzzjoni artistika ta’ l-ispettaklu hija ta’ Antonella Zammit.
Il-biljetti għal din l-attivita’ jiswew €5.00 u jistgħu jinkisbu mit-Teatru Astra stess jew billi wieħed iċempel fuq 21550985. It-Teatru Astra qed joffri dħul mingħajr ħlas għall-ommijiet kollha. Madanakollu, huwa essenzjali li l-biljetti u l-postijiet jiġu riservati minn qabel.
Ta’ min ifakkar li matul dan it-tmiem il-ġimgħa, jiġifieri bejn id-9 u l-11 ta’ Mejju, l-kumpanija tal-Gozo Channel ser tkun qed toffri prezzijiet ridotti fuq il-biljetti tal-vapur ta’ Għawdex.