GĦADA JIFTĦU L-FESTI ESTERNI TA’ SAN ĠORĠ TAL-2015
Għada jiftħu l-festi esterni ta’ San Ġorġ tal-2015 fil-Belt Victoria. L-ewwel attività se tkun l-ikla tal-festa ġo Pjazza San Ġorġ. Ejjew u inqgħaqdu magħna għal dan l-avveniment annwali fejn nieħdu gost f’atmosfera ta’festa u briju filwaqt li nkunu qegħdin ngħinu. Biljetti mingħand il-Bar tal-Każin La Stella, Vajringa Supermarket, Ta’ Salvina Discount Store jew membri tal-Kumitat. S’issa ġa qegħdin numru sabiħ ibbukkjati. Se jkun hemm ukoll The Tramps.
Imbagħad kuljum jibda jkollna xi attivitajiet marbuta mal-festa kemm dawk fuq barra, kif ukoll dawk ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-Ħadd pereżemju se jkun hemm tmiem in-Novena. Dawk li forsi ma setgħux jattendu il-jiem ta’qabel tkun ħaġa sabiħa li l-Ħadd jattendu l-aħħar jum.
Mit-Tnejn inkomplu bit-tiġrijiet taż-żwiemel fis-7.30pm taħt id-dawl artifiċjali, l-ewwel waħda organizzata f’dan il-ħin b’suċċess kbir ġo Għawdex fejn numru kbir ta’ Maltin jaqsmu l-fliegu apposta. Fl-istess ħin ikollna wkoll l-kunċert finali u grandjuż tal-VIAF bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Il-Kunċert jibda fit-8pm.
L-Għada t-Tlieta jkollna l-marċ hekk magħruf “taċ-Ċawla” u dritt wara toħroġ l-istatwa ta’ San Ġorġ, kapulavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi l-ewwel statwa titulari f’Għawdex (1839). Aktar tard ċelebrazzjoni ta’ xhieda Kristjana fil-Bażilika organizzata mill-grupp 23four għaż-żgħażagħ. Fid-9.30pm tibda d-dimostrazzjoi bl-istatwa ta’ San Ġorġ xogħol ta’ Austin Camilleri.
L-Erbgħa jibda t-tridu solenni li din is-sena se jkun fdat f’idejn Mons. Joseph Sultana, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Għarb. Fl-10pm tibda d-dimostrazzjoi popolari bl-istatwa ta’ San Ġorġ taż-Żiemel, xogħol ta’ Alfred Camilleri Cauchi.
Il-Ħamis, fi tmiem id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex, xogħol Michael Camilleri Cauchi, se jkun hemm spettaklu awdjo-viżiv fuq San Ġorġ ġo Pjazza Savina.
Il-Ġimgħa bħas-soltu jkollna d-dimostrazzjoni tat-tielet Jum tat-Tridu bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, xogħol ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex (1894). Fid-9.15pm fi Pjazza San Ġorġ il-Banda Ċittadina La Stella se teżekwixxi l-Ewwel Innu L-Kbir ta’ Għawdex (1894) Su Garzoni bil-parteċipazzjoni tal-Kor Piccole Stelle. Il-Banda tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella u l-Kor taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai.
Is-Sibt, il-Banda tagħna tilqa l-Mons Isqof Mario Grech qabel it-Translazzjoni Solenni u imbagħad teżegwixxi l-Innu l-Kbir A San Giorgio Martire (1931) fi Pjazza San Ġorġ fid-9.30pm. Aktar tard jibda l-marċ kolossali mal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta ġewwa Triq ir-Repubblika u dritt wara spettaklu pirotekniku fl-istess triq organizzat mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.
Jum il-festa naturalment jilħaq il-qofol ta’ dawn il-jiem importanti tas-sena. Is-sehem tal-Banda tagħna jibda filgħaxija b’marċ qasir mill-Każin fejn imbagħad isib postu fuq il-planċier ġewwa Pjazza San Ġorġ bil-lest għall-ħruġ tal-istatwa fil-bieb tal-Bażilika f’atmosfera ta’ briju, devozzjoni u glorja, bil-kant tal-innijiet uniċi bħal Georgius natus est (1984) tal-Prof. Vella, l-innu l-kbir u l-innu marċ Lil Kbir Martri San Ġorġ (1952) ta’ Vincenzo Ciappara.
Dawn l-imsemmija huma biss xi appuntamenti marbutin mal-Banda tagħna, pero l-programm jinkludi ħafna aktar. Idħlu f’dan il-link għad-dettalji kollha.
Ta’ min isemmi li din is-sena, minbarra l-parteċipazzjoni kontinwa tal-Banda Ċittadina La Stella għandna wkoll disa’ baned mistednin – ħamsa minnhom Maltin. Dawn huma:
- It-Tlieta – Banda Ite ad Joseph (Qala)
- L-Erbgħa – Banda Santa Margerita (Sannat)
- Il-Ħamis – Banda Prekursur (Xewkija), Banda Santa Katerina (Żurrieq)
- Il-Ġimgħa – Banda Aniċi (Qormi – San Ġorġ)
- Is-Sibt – Banda King’s Own (Il-Belt Valletta)
- Il-Ħadd (filgħodu) – Banda San Ġorġ (Qormi), Banda San Mikiel (Ħaż-Żabbar)
- Il-Ħadd (filgħaxija) Banda Mnarja (Nadur)
(Ritratti: Mario Casha)