Join Us On:

News Archive

GEORGE APAP JINĦATAR SURMAST TAL-BANDA SANTA MARGERITA

JMJ_9500

F’dawn il-jiem tħabbar li George Apap sar is-Surmast il-ġdid tal-Banda Santa Margerita ta’ Sannat.

George Apap beda l-istudji tiegħu fit-teorija tal-mużika u l-kwartin fl-età żgħira ta’ sitt snin taħt il-gwida ta’ Joseph Bezzina u Victor Debattista. Fl-1990, ħareġ idoqq għall-ewwel darba mal-Banda Ċittadina La Stella. Fl-1995 kompla l-istudji tiegħu fuq il-klarinett taħt id-direzzjoni ta’ Noel Beck u  fit-teorija taħt Lawrence Borg. Fl-1997, waqt mawra mal-Banda La Stella, daqq għall-ewwel darba bħala solista  f’kunċerti ġewwa Praga u Vjenna, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Huwa ggradwa bħala għalliem tal-mużika u tal-Malti. George studja taħt il-Prof. Joseph Vella, Dr John Galea, Dr Maria Frendo, Dr Marcel Degabriele u Moira Azzopardi Barbieri fost l-oħrajn. Fl-2005 huwa ngħaqad mal-Orkestra Nazzjonali taż-żgħażagħ. Sena wara huwa kiseb id-diploma ALCM u aktar tard id-diploma LLCM mil-London College of Music. Fis-sena 2008, ipparteċipa f’Konferenza għall-Iskejjel tal-Mużika fil-Mediterran ġewwa Damasku fis-Sirja, fejn attenda għadd ta’ laqgħat u daqq bħala solista f’wieħed mill-kunċerti ġewwa l-High Institute of Music ta’ Damasku. Attenda wkoll masterclasses mal-Prof. Daniel Paloyan tal-Università ta’ Provence fi Franza. Fl-2011 beda jgħallem il-klarinett fl-iskola tal-mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta. Apap kompla bl-istudji tiegħu fid-direzzjoni u l-kompożizzjoni taħt il-gwida ta’ Christopher Muscat. Fil-preżent huwa wkoll is-surmast direttur tal-Banda Viżitazzjoni tal-Għarb u għalliem tal-aljievi tal-istrumenti tal-injam fil-Banda tagħna.

Is-Socjeta’ Filarmonika La Stella tawgura kull suċċess lill-Mro George Apap fil-kariga l-ġdida tiegħu.