Join Us On:

News Archive

GĦAXAR BANED MISTIEDNA GĦALL-FESTA !

Il-festa ta’ San Ġorġ għal darb’oħra, ser terġa’ toffri spettaklu ieħor ta’ baned. Fil-fatt għall-festa ta’ din is-sena, flimkien mal-banda ewlenija ta’ beltna, ser jieħdu sehem xejn inqas minn għaxar baned, erbgħa minn Malta u sitta minn Għawdex. Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” li għal dawn l-aħħar 125 sena kienet l-organizzattriċi tal-festi esterni f’ġieħ San Ġorġ f’beltna, dejjem tat prijorità lil dan l-element fil-festa tagħna. Il-banda ċittadina “La Stella” ser tagħmel tmien servizzi f’sitt ijiem. L-uniku żewġ servizzi li mhux ser iddoqq fihom il-banda tagħna, huma tal-Ħamis filgħaxija, fejn għat-tieni sena konsekuttiva ġie deċiż li f’dan il-jum għandna nħallu liberi lill-bandisti tagħna biex flimkien mal-familjari u l-ħbieb tagħhom ikunu jistgħu jgawdu ftit mill-festa; u dak tal-Ħadd filgħodu, fejn bħal dejjem, il-banda tal-post qatt ma tieħu sehem.

Għall-marċ li jagħti bidu għall-festi esterni tat-Tlieta li ġej, nhar il-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, ser iddoqq il-banda ċittadina “La Stella”, f’marċ brijuż minn Taċ-ċawla, sa pjazza San Ġorġ. L-Erbgħa mbagħad, ser ikollna l-ewwel banda mistiedna, dik ta’ “Santa Margerita” ta’ Sannat, li flimkien mal-banda tagħna ser tieħu sehem fid-dimostrazzjoni grandjuża b’San Ġorġ taż-żiemel. L-istess banda ser terġa’ tkun mistiedna biex il-Ħadd fit-7.45am issellem lil Mons. Isqof u lill-President ta’ Malta, f’marċ qabel jingħata bidu għall-pontifikal solenni, ta’ nhar il-festa. Il-Ħamis għandna mistiedna żewġ baned oħra Għawdxin: il-banda “Prekursur” tax-Xewkija u l-banda “Ite ad Josef” tal-Qala, fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ, marċ li jgħaddi miż-żona antika ta’ beltna, madwar il-bażilika Ġorġjana. Il-Ġimgħa jkun imiss żewġ baned oħra: Il-banda “Mnarja” tan-Nadur ser tieħu sehem flimkien mal-banda “La Stella” fid-dimostrazzjoni ferm popolari b’San Ġorġ Rebbieħ. Fl-istess ħin ser ikun hemm marċ ieħor u Programm mużikali mill-banda “San Ġużepp” t’Għajnsielem. Is-Sibt filgħaxija għandna żewġ baned oħra mistiedna li huma l-banda ċittadina “King’s Own” tal-belt Valletta, li wara li tagħmel programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ ser tingħaqad mal-banda tagħna għall-marċ singolari u mill-aktar popolari ta’ lejlet il-festa. Fl-istess waqt il-banda “San Girgor” ta’ Kerċem, ser ittella’ Programm mużikali fi Pjazza San Franġisk. F’Jum il-festa għandna ħames baned mistiedna li flimkien mal-banda “La Stella” ser ikomplu jkabbru fl-ispettaklu grandjuż offrut biss f’beltna nhar il-festa tal-Patrun ta’ l-istess belt, San Ġorġ Martri. Kif diġà semmejna fil-marċ ta’ qabel il-pontifikal ser tieħu sehem il-banda “Santa Margerita” ta’ Sannat, biex imbagħad għall-marċ il-kbir “tal-ħdax”, ser jieħdu sehem żewġ baned Maltin li huma: il-banda “San Ġorġ Martri” ta’ Ħal-Qormi, u l-banda “Stella Maris” ta’ Tas-Sliema, li ser tkun qed tagħmel l-ewwel dehra tagħha fil-festi f’ġieħ San Ġorġ f’beltna. Il-Ħadd filgħaxija, waqt li l-banda ċittadina “La Stella” tkun qed takkumpanja l-purċissjoni, żewġ baned oħra ser jagħmlu marċ u wara jesegwixxu Programm Mużikali fi Pjazza San Ġorġ u fi Pjazza Indipendenza rispettivament. Il-banda “Mnarja” tan-Nadur ser ittella’ Programm fi Pjazza Indipendenza, filwaqt li l-banda “Nicolò Isouard” tal-Mosta ser ittella’ Programm ieħor fil-Pjazza ta’ quddiem il-Parroċċa ewlenija ta’ gżiritna.

Għal aktar dettalji, nistednukom taqraw il-Programm dettaljat li għandkom issibuh fil-homepage tagħna.

(Ritratt: Joe Attard)