Join Us On:

News Archive

GĦAWDEX ISELLEM LIL MONS. SALV BORG

Il-bieraħ, il-poplu Għawdxi ta l-aħħar tislima lil arċipriet tant maħbub, Mons. Salv Borg, li mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar il-Ħamis 27 ta’ Settembru, 2007. Kif kien mistenni mijiet ta’ persuni, familjari, parruċċani u ħbieb Maltin u Għawdxin attendew biex isellmu għall-aħħar darba lil Dun Salv.

Fis-2.30pm il-fdalijiet tiegħu ġew esposti fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani fejn saret velja ta’ talb għall-bżonnijiet tiegħu. Kienu bosta dawk li attendew, u ħafna kienu dawk li sabuha diffiċli biex jidħlu u jsibu post fil-knisja fejn kienet qed issir il-velja. Ftit minuti qabel il-5.00pm, wasal il-Kapitlu tal-Kolleġġjata Lateranensi, immexxi mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona. Fil-5.00pm beda miexi l-korteo li għadda minn Triq ir-Repubblika għal Pjazza San Ġorġ. Il-bandisti, flimkien mas-surmast u l-membri tal-kumitat ilkoll imxew wara l-istandard tal-banda, fil-parti ta’ quddiem tal-korteo. Hekk kif il-korteo wasal fil-bażilika urbana, kien hemm diġa’ maqdes mimli bin-nies jistenna l-bidu tal-konċelebrazzjoni. L-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex mexxa l-konċelebrazzjoni, flimkien maż-żewġ arċiprieti Mons. Cardona u Mons. Farrugia u ’l fuq minn mitt saċerdot ieħor li ġew minn diversi parroċċi Għawdxin u anke Maltin. Il-Kor “Laudate Pueri” taħt id-direzzjoni ta’ Dun George Frendo anima din il-konċelebrazzjoni solenni.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof iddeskriva lil Mons. Borg bħala “Tabib tar-Ruħ” u “Saċerdot li kellu ħafna għal qalbu l-ministeru tal-kelma”. Żgur li ħadd ma jinsa l-predikazzjonijiet li Dun Salv ta kemm fil-bażilika ta’ beltna, iżda anke f’diversi knejjes oħra fil-gżejjer Maltin. Kien tassew predikatur imfittex ħafna. Mons. Isqof tenna wkoll li n-numru impressjonanti ta’ nies li attendew biex jagħtu l-aħħar tislima lil dan is-saċerdot żgur li huwa ta’ faraġ kbir kemm għall-familjari tiegħu, għall-kapitlu Ġorġjan, u anke għalih bħala r-ragħaj tad-djoċesi.

Fl-aħħar tal-konċelebrazzjoni, kien imiss lill-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia, s-suċċessur ta’ Mons. Borg, li jagħmel diskors ta’ apprezzament lejn dan is-saċerdot tant u tant maħbub. Mons. Farrugia indirizza lil Mons. Borg bħala “arċipriet tiegħi”. Fid-diskors tiegħu li emozjona lil dawk kollha preżenti, Mons Farrugia faħħar il-predikazzjonijiet ta’ Dun Salv, u tenna li żgur qatt m’aħna ser ninsew l-ispirtu tiegħu.Irringrazzjah tal-pariri siewja li rċieva mingħand il-predeċessur tiegħu, u semma li f’dawn id-disa’ snin li għaddew huwa kien dejjem hemm biex jagħti appoġġ lill-Arċipriet Farrugia. Semma wkoll is-sehem tiegħu f’diversi għaqdiet fosthom, is-sehem tiegħu fuq ir-Radju “Leħen il-Belt Victoria” u Radju RTK; il-kitbiet tiegħu għat-Teatru; il-Banda “La Stella” li tant kien iħobb, u li tant kien kburi li kien kappillan tagħha. L-Arċipriet Farrugia raddlu ħajr ta’ dak kollu li għamel, u tenna li żgur illum Dun Salv jinsab viċin San Ġorġ, il-qaddis protettur li huwa tant ħabb. Id-diskors intlaqa’ b’applaws kbir minn dawk kollha preżenti.

Hekk kif intemmet il-konċelebrazzjoni, il-fdalijiet ta’ Dun Salv, twasslu fil-bieb tal-bażilika u ntlaqgħu b’applaws kbir – applaws li kompla jemozjona lil dawk preżenti – applaws bħala sinjal ta’ radd il-ħajr lejn il-wisq maħbub Dun Salv. Il-banda “La Stella” sellmet lil Dun Salv, bid-daqq tal-marcia funebri “In Memoriam Mgr Salv Borg”, miktuba ftit tal-jiem ilu mis-Surmast Joseph Vella, u li żżanżnet proprju llum fil-ħruġ tal-funeral mill-bażilika. Il-banda “La Stella” wasslet lil Dun Salv sa Triq ir-Repubblika fejn hemm, minbarra li l-fdalijiet ta’ Dun Salv iddawru lejn il-każin tas-Soċjetà La Stella fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti, il-korteo għadda minn ġo nofs il-banda fost id-daqq ta’ marċi funebri, sakemm wasal l-aħħar applaws, qabel it-tluq lejn iċ-ċimiterju.

Kienu mumenti emozjonanti tassew, mumenti li żgur li ser jibqgħu fl-imħuħ u fil-qlub tagħna l-Ġorġjani kollha – mumenti li huma xhieda ta’ l-imħabba li kellna lejn Dun Salv, li llum għalkemm m’għadux magħna fiżikament ser jibqa’ għal dejjem magħna f’qalbna!

INSELLMULEK DUN SALV!

TIBQA’ GĦAL DEJJEM F’QALBNA MAĦBUB ARĊIPRIET!

George Apap
01-X-2007

Ritratti: Joe Attard ©