GĦADA KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA
Għada s-Sibt 16 ta’ April, il-banda ċittadina La Stella ser tiftaħ l-impenji tagħha marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa b’kunċert ta’ mużika sagra fil-bażilika ta’ San Ġorġ. F’dan il-kunċert, il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella ser tesegwixxi numru ta’ siltiet mużikali b’konnessjoni ma’ dan iż-żmien qaddis tas-sena – siltiet mużikali mill-pinna ta’ diversi kompożituri fosthom: Stephen Attard; Frode Rydland; Miklos Rozsa; Francis Thome; Peter I. Tchaikovsky u ma tonqosx kompożizzjoni tal-istess surmast direttur Joseph Vella.
F’dan il-kunċert ser jieħu sehem ukoll il-kor Laudate Pueri (taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo) li ser jkanta silta mużikali ta’ T. L. de Victoria: Animam meam delictam. Fi tmiem il-kunċert ser tiġi mbierka l-istatwa l-ġdida ta’ Ġesu’ marbut mal-kolonna, maħduma minn Michael u Adonai Camilleri Cauchi, biex tifforma parti mis-sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira tal-parroċċa tagħna. Din l-istatwa ser tiġi akkumpanjata mill-banda minn Triq ir-Repubblika sal-bażilika, qabel jibda l-kunċert, bid-daqq ta’ marċi funebri.
Il-kunċert ta’ għada jibda fit-8.00pm. Kulħadd huwa mistieden.