GĦADA JIĠU RREKORDJATI L-MARĊI TAL-FESTA
Għada l-Ħadd, l-ewwel ta’ Ġunju, il-banda ċittadina u dekana ser terġa’ tkun impenajta din id-darba bir-rekording tas-sett ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa ta’ San Ġorġ 2008. Dan ser ikun it-tielet CD irrekordjat f’din is-sena, wara s-sett ta’ marċi funebri li ħareġ f’Marzu li għadda u s-sett ta’ innijiet Pawlini li ħareġ dan ix-xahar.
Għal darb’oħra ser jerġa’ jkollna sett mill-isbaħ li żgur għandu jintlaqa’ tajjeb mid-dilettanti kollha tal-marċi festivi u mis-segwaċi tal-banda tagħna. Bħalma dejjem sar, il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella tinsab preparata tajjeb biex għada l-prodott finali jkun mill-aqwa. Is-CDs maħruġa mis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ dejjem imxew tajjeb fis-suq lokali u huma mfittxija ħafna, anke minn diversi barranin li ta’ kull sena jiġu jżuruna fil-jiem tal-festa titulari ta’ beltna. Dan is-CD ser ikun l-għoxrin wieħed f’dawn l-aħħar ħdax-il sena. Kien fis-sena 1997 meta l-banda tagħna, l-ewwel waħda f’Għawdex ħarġet żewġ CDs, wieħed ta’ marċi brijużi u l-ieħor b’innijiet Ġorġjani.
Bħalma dejjem għamilna, ir-rekording ser isir fuq il-palk spazzjuż tat-Teatru Astra, li jiġi armat apposta. Ir-rekording ser ikun f’idejn is-Sur John Cauchi ta’ PRO studios.