Join Us On:

News Archive

FUNDAZZJONI JOSEPH VELLA

Il-bieraħ kienet serata memorabbli għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u għas-Surmast Direttur tagħha l-Prof Joseph Vella, waqt il-kunċert Annwali fit-Teatru Astra ddedikat lill-45 anniversarju minn meta is-Surmast Vella nħatar direttur mużikali. Waqt is-serata, fejn il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella esegwiet biss mużika ta’ Vella, tħabbar mill-President tas-Soċjetà s-Sur Paul M Cassar, li se titwaqqaf Fundazzjoni Joseph Vella. Waqt kelmtejn tal-okkażjoni s-Sur Cassar semma li l-fundazzjoni se jkollha l-għan li tikkustodixxi u tieħu ħsieb il-mużika kollha ta’ Vella li għandha fil-pussess tagħha s-Soċjetà. Is-Surmast Vella minn naħħa tiegħu se jirregala din il-mużika lill-Fundazzjoni Joseph Vella u b’hekk tibqa tidgawda u tarrikixxi l-isfera mużikali ta’ gżiritna. L-fundazzjoni se tkun immexxija minn kumitat pro tempore li l-ewwel chairperson tagħha se jkun is-Surmast Vella stess.

Huwa fatt magħruf li l-Professur Vella huwa wieħed mill-aqwa surmastrijiet u kompożituri li qatt kellha Malta, b’xogħolijiet fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Is-Soċjetà La Stella hija kburija li għandha ħafna xogħolijiet importanti li ħargu mill-pinna ta’ Vella. Matul is-serata ndaqqu biċċiet li kiteb is-Surmast Vella f’okkażjonijiet speċjali fostom Ludus Tonalis, li nkitbet fl-anniversarju tal-40 sena mill-ħatra tiegħu u biċċa xogħol oħra ġdida li nkitbet għal din l-okkażjoni, Fantasia Sinfonica. Fi tmiem is-serata l-President tas-Soċjetà, is-Sur Paul M Cassar, flimkien mas-Segretarju Amministrattiv is-Sur Michael Formosa, ippreżentaw memento lill-Professur Vella għal din l-okkażjoni speċjali. Qabel bdiet is-serata ġiet osservata minuta ta’ silenzju b’rispett lejn it-traġedja f’Pariġi ftit tal-jiem qabel. Is-serata kienet ippreżentata minn Lorna Tabone.

Is-Soċjetà hija grata lejn l-Professur Vella li matul dawn is-snin kollha kompla kabbar l-isem tal-Banda tagħna li kif qal huwa stess waqt is-serata “tgawdi fama mhux biss f’Għawdex imma anke f’Malta”. Minn naħħa tiegħu l-Professur Vella stqarr li matul dawn is-snin kollha huwa tgħallem ħafna wkoll mis-Soċjetà u kienet strument importanti biex hu kiber magħha wkoll. F’isem il-Kumitat Amministrattiv, il-Bandisti tiegħek u l-partitarji tas-Soċjetà Filarmnika La Stella nirringrazzjawk ta’ dak kollu li tajtna u nawgurawlek Ad Multos Annos !

(Ritratti: Joe Attard)