Join Us On:

News Archive

FRENETIC…THE DANCE SHOW

Fit-Teatru Astra jkompli l-istaġun teatrali, din id-darba bi spettaklu ta’ żfin liema bħalu mtella’ mill-kumpanija taz-żfin ‘Body Art Dance Group’ – grupp ta’ żeffiena żgħażagħ immexxija abilment minn Angie Bonello.

Din is-serata ser issir fit-Teatru Astra nhar is-Sibt 28 ta’ April 2007 fit-8.00pm. Barra l-parteċipazzjoni kbira ta’ din il-kumpanija taz-żfin ser jieħdu sehem ukoll diversi skejjel ta’ żfin fosthom dawk ta’ ‘Alison White Dance Studio’, skola li llum tħaddan fiha mijiet ta’ student minn Malta kollha, l-iskola ‘Gym Star’, id-‘Dance Workshop’ u ‘Waterfall’. Dawn kollha flimkien ser joffru spettaklu uniku ta’ diversi dixxiplini ta’ żfin fuq il-palk spazjuż tat-Teatru Astra. Ċertament is-show FRENETIC toffri kunċett ġdid jew aħjar esperjenza ġdida ta’ ġeneri differenti ta’ żfin f’Għawdex, fosthom hip-hop, jazz, ballet, u breakdance.

Il-produzzjoni ser tkun immexxija minn Angie Bonello nnifsu, żeffien li llum huwa midħla sew ma’ dawk id-dilettanti tat-teatru lokali. Minn din il-paġna nirringrazzjawh u nixtiequlu aktar suċċessi fil-karriera brillanti tiegħu.

Għaldaqstant kull min għandu għal qalbu t-teatru u b’mod partikulari ż-żfin għandu jattendi għal dan l-ispettaklu. Il-booking huwa miftuħ mit-Teatru Astra stess. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq 79047293. Il-Ġimgħa 27 ta’ April ser tiġi mtella’ extra show għall-istudenti tal-iskejjel t’Għawdex.