Join Us On:

News Archive

FIL-QALBA TAL-FESTA!

F’dawn il-jiem ninsabu fil-qalba tal-festa Ġorġjana tal-Belt Victoria. S’issa kellna ġimgħa impenjata ferm bil-ħruġ minn niċċa nhar il-Ħadd li għadda, il-kunċert tal-VIAF nhar it-Tnejn, id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) xogħol ta’ Austin Camilleri nhar it-Tlieta, San Ġorġ fuq iż-Żiemel (1987) xogħol Alfred Camilleri Cauchi fl-ewwel jum tat-tridu u San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex (2008) xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi fit-tieni jum tat-tridu. Kull dimostrazzjoni kienet suċċess kbir.

Grazzi lil dawk kollha li kontu magħna f’dawn il-jiem, li ħnoqtu kull rokna tal-pjazez u t-toroq, u dan minkejja s-sħana tremenda li ħakmet il-ġżejjer Maltin u l-problema tal-qtugħ tad-dawl li gżiritna kellu f’dawn il-jiem.

Narawkom illejla għad-dimostrazzjoni tat-tielet u l-aħħar jum tat-tridu, b’ San Ġorġ Rebbiegħ (1894), kapulavur ta’ Vincenzo M Cremona, l-ewwel statwa titulari għall-festi esterni f’Għawdex. Fl-10.15pm Ad Astra, spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru li jinħaraq mill-għolja ta’ Gelmus sinkronizzat mal-mużika fi Pjazza Savina.