Join Us On:

News Archive

FESTIVAL MEDITERRANEA 2012

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella f’dawn il-ġranet tinsab iffukata għal darba oħra għallavveniment importanti ieħor fil-kalendarju tal-ħidma tagħha,l-organizzazzjoni ta’ Festival Mediterranea, din is-sena il-ħdax il-edizzjoni li ser issir bejn il-25 ta’ Ottubru u 17 ta’ Novembru 2012. Dan il-festival huwa mportanti ħafna mhux biss fil-kalendarju kulturali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella imma wkoll dak tal-Gżira Għawdxija.
Kif tħabbar qabel din is-sena l-festival se jkun jinkorpora fih l-opra lirika Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini.  L-opra se ssir darbtejn, fil-25 u fis-27 ta’ Ottubru. Bħas-soltu l-organizzaturi ħasbu biex jiksbu s-servizzi ta’ sopran ta’ fama internazzjonali u din id-darba l-għażla waqgħet fuq Daniela Dessi, sopran taljana li kemm il-darba dehret fuq it-televiżjoni nazzjonali tal-Italja u naturalment kantant fl-aqwa teatri madwar id-dinja.  L-opra se tiknludi s-servizz importanti tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta, kif ukoll l-Kor tat-Teatru Astra.   
Il-Festival ma hux biss l-opra, imma fih diversi attivitajiet oħra kulturali, edukattivi, artistiċi u mużikali.  Hemm ippjanati lectures minn nies kapaċissimi fis-suġġett tagħhom bħall-istoriku n-Nutar Paul G Pisani fejn tidħol iż-żjara fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, l-Artist u Kritiku tal-Arti Mark Segona li din is-sena se jmexxina wara l-passi tal-artist Malti Giuseppe Cali, kif ukoll l-istoriku Victor Mallia-Milanes li din is-sena se jkellimna fuq il-ħajja soċjali u ekonomika tal-Ordni f’Malta.
Appuntament mużikali ieħor ta’ livell għoli se tkun l-attività Tango Emocion … fejn se naraw taħlita ta’ żfin u mużika bil-parteċipazzjoni tas-sopran Oana Andra li s-sena l-oħra kellha suċċess kbir fl-opra Norma fit-Teatru Astra.  Imbagħad hemm attivitajiet oħra bħal Music in Liturgy, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Operatic Arias mill-istess sopran Oana Andra, Piano Recital minn Nicholas McCarthy mill-Ingilterra u kunċert minn La Stella Brass Ensemble & Soloists.  Fl-aħħar imma mhux l-anqas ikollna wkoll il-Programm Annwali fit-Teatru Astra mill-Banda La Stella taħt id-direzzjoni tal-Prof. J. Vella.
Attività oħra li saret dawn l-aħħar snin b’suċċess hija The Vines of San Mitri fejn issir żjara fejn hemm id-dwieli Tal-Massar Vineyards ġewwa l-Għarb, proġett li kellu suċċess kbir u li jlaqqana mat-tradizzjoni tal-inbejjed ta’ gżiritna li kisbu suċċess anke’ barra minn Malta.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni billi jżur is-sit www.mediterranea.com.mt jew iċempel fuq 21550985 jew 79256897 jew fuq [email protected].  Min hu interressat għandu jibbukkja minnufiħ peress li ħafna mill-attivitajiet għandhom numru ta’ postijiet limitati.