Join Us On:

News Archive

FESTI KBAR, FESTI TAL-MASSA, FESTI ĠORĠJANI!

Iva, hekk qed tiġi deskritta l-festa kbira ta’ l-Għawdxin, bħala waħda kbira, bħala waħda tal-massa, fuq kollox festa ewlenija, festa Ġorġjana!!

Wara li kmieni il-Ħadd, filgħodu segwejna u rajna l-bażilika mfawwra bil-poplu għal Pontifikal Solenni mmexxi mill-Isqof Mons. Mario Grech, u wara l-marċ grandjuż ta’ filgħodu, kien allura jmiss il-parti tal-festa ta’ filgħaxija.

Għaldaqstant tkompliet b’pompa liema bħalha ċ-ċelebrazzjoni pontifikali tat-tieni għasar tas-solennità mill-kapitlu tal-kolleġġjata urbana u l-kleru tal-bażilika, ippreseduta mill-E.T. Mons. Nikol G. Cauchi, isqof emeritu ta’ Għawdex u dekan emeritu tal-kolleġġjata.

L-orkestra kienet mill-ġdid impenjata f’dawn it-tieni vespri b’kompożizzjonijiet tal-Prof. Joseph Vella u bis-sehem sħiħ tal-kor Laudate Pueri.

U min-naħa l-oħra tal-belt Victoria segwejna l-banda La Stella milqugħa fi Pjazza San Ġorġ fejn mbagħad sabet postha fuq il-plancier sabiex tagħti merħba lil San Ġorġ tagħna, patrun tad-djoċesi, għall-ħruġ tal-purċissjoni.

Hekk kif il-ħin immarka s-sebgħa ta’ filgħaxija, tfaċċat fil-bieb tal-bażilika l-istatwa ta’ San Ġorġ, fost il-ferħ kbir ta’ l-eluf li kellhom ix-xorti unika li jattendu għal din il-manifestazzjoni grandjuża li turi bla dubju l-imħabba liema bħalha lejn il-qaddis protettur tagħna. Manifestazzjoni unika…ħruġ ta’ purċissjoni li bi kburija ngħidu li mkien f’Malta u Għawdex m’inti ser tara bħalha.

Il-banda laqgħet lil San Ġorġ, patrun tad-djoċesi u ta’ beltna bid-daqq ta’ l-innu reliġjuż “Georgius natus est” u mbagħad bl-innu immortali tas-surmast Giardini Vella “Al glorioso martire” bis-sehem tat-tenur Antonino Interisano (Sqallija) u l-baritonu Carlos de Miranda (Portugall) flimkien mal-kor tas-Soċjetà. Immedjatament wara bdiet timmarċja l-purċissjoni solenni mat-triqat ewlenin tal-belt Victoria. Minn kulfejn għaddiet l-istatwa sabet jistennewha mijiet ta’ Ġorġjani ħerqana jagħtu merħba lil Ġorġi tagħna. Xeni li ma jintesewx malajr!! Fi Triq ir-Repubblika l-banda La Stella daqqet diversi innijiet ta’ tifħir lil San Ġorġ sakemm il-kapitlu u l-kleru tal-kolleġġjata ħallew l-istatwa fi Pjazza San Ġorġ biex din ġiet milqugħa fi Pjazza San Ġorġ fuq l-ispallejn taż-żgħażagħ fost iċ-ċapċip kontinwu ta’ pjazza maħnuqa bl-eluf kbar ta’ nies li nġabru biex jaraw din ix-xena spettakolari tad-dħul trijonfali ta’ Ġorġi tagħna fil-maqdes tiegħu. Wieħed seta jinnota li waqt il-kant ta’ l-innu marċ li ndaqq repetutament segwejna lil dawk kollha preżenti, Ġorġjani u le, jingħaqdu jkantaw dan l-innu meraviljuż fuq kliem ta’ Patri Accursio Xerri OFM u mużika ta’ Vincenzo Ciappara.

Tassew dan kien jum ieħor ta’ ċelebrazzjonijiet uniċi mill-aqwa, jum li inkuruna il-programm tal-festi ta’ San Ġorġ għas-sena 2007. Festa mudell! Festa Tip! Dawn kienu l-kummenti ġenerali ta’ Malta u Għawdex. Il-Maltin u l-Għawdxin dan li qed jistennew li jaraw f’San Ġorġ. Dan raw, u jekk Alla jrid dan se jaraw matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju tas-sena d-dieħla!

ritratti: Joe Attard