Join Us On:

News Archive

FESTA TAL-ISTILLA

Il-banda ċittadina u dekana La Stella temmet l-impenji ferm numerużi tagħha għas-sena 2009, b’żewġ servizzi marbuta mal-festa mill-aktar għażiża għall-partitarji tas-Soċjeta’ u l-Ġorġjani, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Bħal kull sena l-banda ħadet sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni (xogħol Pawlu Aquilina, 2002) li ttellgħet fuq il-pedistall monumentali tagħha fi Pjazza San Franġisk. Għal din l-okkażjoni l-banda daqqet marċi brijużi u waqt it-tlugħ tal-istatwa fuq il-pedistall tagħha, sellmet lil Ommna Marija Immakulata bid-daqq tal-Ave Maria.

L-għada, it-8 ta’ Diċembru, jum il-festa, il-banda bdiet l-impenji tagħha b’marċ qasir qabel il-purċissjoni. Imbagħad sabet postha fuq iz-zuntier fejn hemm esegwiet l-innu l-kbir Lodate Maria tal-kompożitur G. Flamingo, bis-sehem tal-kor u s-solisti, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, surmast direttur. Wara l-banda akkumpanjat il-purċissjoni devota bl-istatwa meraviljuża tal-Immakulata madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna u allura għaddiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika, minn quddiem is-sede tas-Soċ. Filar. La Stella, għal pjazza San Ġorġ, fejn il-poplu Ġorġjan sellem lil Marija Immakulata bit-tfigħ ta’ karti u stilel bil-kitba: "Fil-pjazza ta’ beltna nilqgħuk, O Marija, għax inti ta’ ġensna l-ferħ u l-foħrija".   Il-purċissjoni kompliet għaddejja lejn Triq Karita’ u minn hemm lejn il-Vajrinġa u lura fi Pjazza San Franġisk fejn hemm tinsab il-knisja tal-Franġiskani Konventwali. Il-banda temmet dan l-impenn importanti bid-daqq tal-innijiet Lil Marija Immakulata tal-Prof. Joseph Vella u l-Ave Maria, fost iċ-ċapċip tal-folla numeruża li attendiet. Fil-fatt, grazzi għat-temp sabiħ li kellna matul il-ġurnata, din is-sena kien hemm attendenza kbira ħafna b’mod partikolari fid-dħul tal-purċissjoni. 

Il-banda issa tkompli għaddejja bil-preparazzjoni tal-marċi funebri l-ġodda li ser jiġu rrekordjati fil-bidu tas-sena l-ġdida u anke għal impenji oħra li l-banda għandha fl-ewwel xhur tas-sena 2010. 

Intant, nhar is-Sibt li ġej 12 ta’ Diċembru, fit-Teatru Astra ser jittella’ l-ispettaklu komiku ta’ Zoo bit-tema: Jingle Balls.  Fadal l-aħħar ftit biljetti għal dan l-ispettaklu uniku. Biljetti għall-prezz ta’ €12 jinkisbu mill-booking office tat-teatru (9955 0058) jew inkella b’mod online fuq il-website www.teatruastra.com.  

Ritratti: Joe Attard