FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI FIL-BELT VICTORIA
Minn hawn u ftit jiem oħra l-Belt Victoria se tkun qed tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, iż-żîna Marjana ta’ gżiritna, meqjuma fil-Knisja ta’ San Franġisk. Din is-sena hija waħda speċjali peress li sar restawr professjonali fuq l-istatwa tal-kunċizzjoni, kapolavur fl-injam ta’ Salvatore Psaila fl-1848. Il-bieraħ, fil-knisja ġiet organizzata serata mużiko-letterarja marbuta ma’ dan l-avveniment speċjali u li fiha ingħata tagħrif interessanti dwar il-proċess tar-restawr.
Is-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella bħas-soltu se jkun maqsum fuq jumejn, dak ta’ lejlet il-festa 7 ta’ Diċembru għad-dimostrazzjoni u ta’ nhar il-festa 8 ta’ Diċembru fejn nakkumpanjaw il-purċissjoni mat-triqat ta’ beltna. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni il-Banda Ċittadina La Stella ssellem lill-Ommna Marija bl-innijiet Lodate Maria, mużika tas-surmast Ġ. Flamingo u l-Innu lill-Immakulta Kunċizzjoni (1968) tal-Prof. Joseph Vella, taħt id-direzzjoni tas-surmast Dr. John Galea.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-kommunità ta’ San Franġisk f’din il-festa xitwija hekk importanti fil-kalendarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u d-diversi sotto-kumitati tagħha. Huwa dejjem ta’ unur u pjaċir li bħala soċjetà nagħtu s-sehem tagħna f’din il-festa.
Viva Marija Immakulta!



