FESTA TA’ SAN MIKIEL ARKANĠLU
Nhar it-Tlieta 29 ta’ Settembru huwa Jum l-Arkanġlu San Mikiel.
Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella u l-Proto-Parroċċa ta’ San Ġorġ bi gratitudni jfakkru u b’ unur jiċċelebraw din il-festa kbira fil-kalendarju tal-Knisja Universali.
Bla dubju, waħda mill-aktar opri tal-arti li għandha devozzjoni kbira hija l-istatwa ta’ San Mikiel, ġojjel mill-isbaħ maħduma mill-iskultur Alessandro Farrugia fl-1838, u li hija proprjetà tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri. F’din l-opra artistika, Farrugia segwa l-istil tradizzjonali li kien jiddomina fir-rappreżentazzjoni tal-arkanġli matul is-seklu tmintax.
L-istatwa turi lil San Mikiel Arkanġlu nieżel b’qawwa mis-smewwiet, b’ġwienaħ miftuħin, fjamma f’idejh u tarka trijangolari li fiha tidher għajn, simbolu marbut mal-qaddis innifsu. B’din ix-xena, l-Arkanġlu jidher jirbaħ fuq Satana u fuq kull għamla ta’ ħażen.
Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ insibu wkoll xogħol ieħor ta’ Alessandro Farrugia, jiġifieri l-korp ta’ Kristu Mejjet, maħdum fl-1844, li għadu sal-lum jintuża fl-Urna tal-Ġimgħa l-Kbira.
Minbarra l-kapulavur ta’ Farrugia fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, l-Għaqda Armar San Ġorġ Martri din is-sena lestiet biċċa xogħol importanti fejn l-istatwa antika ta’ San Mikiel Arkanġlu, maħduma fl-1958 mill-iskultur imwieled il-Belt Valletta u jgħix il-Marsa, Dominic Azzopardi (1901–1971), ġiet irrestawrata għall-glorja tagħha. Din l-istatwa kienet ġiet ikkummissjonata mis-Soċjetà Filarmonika La Stella u tradizzjonalment kienet tintrama kull sena għall-festa ta’ San Ġorġ. L-aħħar darba li intramat kienet fl-2005, u wara ġiet sostitwita. Wara snin fil-maħżen, l-Għaqda Armar San Ġorġ Martri ħadet l-inizjattiva biex tirrestawraha u tibda tintrema għall-Festa ta’ San Mikiel. Ix-xogħol sar minn Raymond Farrugia u Manuel Attard, b’zebgha ta’ Manuel Buhagiar u induratura ta’ Christian Debono.
Il-festa t-tajba lil kulħadd!



