Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ SAN MIKIEL ARKANĠLU – QUIS UT DEUS?

Illum 26 ta’ Settembru, ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, beda t-Tridu ta’San Mikiel Arkanġlu fil-quddiesa tal-10 ta’ filgħodu u se jkompli għada t-Tnejn u t-Tlieta, fil-quddiesa tas-6 ta’ filgħaxija. Din is-sena, it-Tridu qed isir mill-Kan. Joe Zammit, Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku.  Il-quddiesa solenni ta’ nhar il-festa id-29 ta’ Settembru se ssir ukoll fis-6 ta’ filgħaxija. Tkun ħaġa sabiħa li nsibu ħin nattendu għal dawn il-funzjonijiet filwaqt li nkomplu nieħdu l-prekawzjonijiet minħabba l-pandemija.

Din il-festa parrokkjali hija waħda li tiġbed devozzjoni kbira lejn il-Bażilika Ġorġjana, fejn hemm iddedikata lil San Mikiel Arkanġlu waħda mill-kappelli.  Din il-kappella tagħraf il-bidu tal-kostruzzjoni tagħha fis-sena 1935, meta fl-istess żmien kienet qed titkabbar il-knisja.  L-ewwel kwadru ta’ San Mikiel kien ta’ Carlo Lamagna tal-1688 u dam jintuża sal-1963.  Illum il-ġurnata dan il-kwadru jinsab konservat fil-mużew il-Ħaġar.  Il-kwadru li hemm illum tal-mużajk huwa bbażat fuq dak ta’Guido Reni, li hemm fil-Vatikan. Fl-1999 sar kwadru ieħor fuq idjoma kontemporanja mill-artist Għawdxi John Grima u llum jinsab fl-awla Monsinjur Giuseppe Farrugia.

Imma l-akbar attrazzjoni għad-devoti ta’ San Mikiel Arkanġlu tibqa’ bla ebda dubju l-istatwa kapulavur ta’ Alessandro Farrugia, propjetà tal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, li kienet skolpita fl-injam fl-1838. F’dan il-kapulavur l-iskultur Farrugia żamm mat-tradizzjoni tipika tat-tmintax –il seklu fejn jidħlu arkanġli.  L-istatwa imponenti turina lil San Mikiel jittajjar mis-sema bil-ġwienaħ, bi fjamma f’idejh u t-tarka trijangolari bl-għajn f’nofsha, simbolu tal-istess qaddis, fejn iġib fix-xejn lil Satana u l-ħażen kollu.  Il-Bażilika ta’ San Ġorġ għandha biċċa xogħol oħra tal-istess skultur, il-korp ta’ Kristu mejjet li kien sar fl-1844 u għadu jintuża fl-urna fil-Ġimgħa l-Kbira sal-ġurnata tal-lum.

L-Għaqda tal-Armar fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella wkoll għandha statwa ta’ San Mikiel Arkanġlu, li kienet saret fl-2005 mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi u kienet ħadet post oħra aktar antika magħmula minn Dominic Azzopardi fl-1958.  Din l-istatwa tintrema biswit il-Banca Giuratale quddiem it-telgħa tal-kastell fil-jiem tal-festa.

Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-parruċani kollha f’din il-festa parrokkjali, speċjalment lil dawk kollha li huma msemmija għal dan il-qaddis.

Viva San Mikiel ! Viva l-Anġlu s-Sabiħ!