FESTA TA’ SAN ĠORĠ ĠEWWA ĦAL-QORMI
Fi tmiem il-ġimgħa l-Belt Pinto se tkun qed tiċċelebra l-festa ta’ San Ġorġ Martri, liema festa hi tant għażiża anke’ għalina r-Rabtin.
Din is-sena pero’ kienet waħda speċjali fejn il-Banda Ċittadina La Stella, nhar is-Sibt li għadda 22 ta’ Ġunju, ħadet sehem b’servizz madwar Ħal-Qormi flimkien mal-Banda San Ġorġ fl-okkażjoni tal-125 sena tal-ftuħ tal-każin tal-Banda ta’ San Ġorġ u l-125 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ Vincenzo Cremona ta’ San Ġorġ Rebbieħ. Għal din l-okkażjoni, l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ qasmet il-fliegu u ddawret mal-baned mat-triqat prinċipali ta’ Ħal-Qormi. F’din l-okkażjoni indaqqu diversi marċijiet mir-ripertorju mużikali taż-żewġ baned. Mal-wasla tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ quddiem il-Knisja Arċi-matriċi ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi indaqq l-innu “Dejjem f’Qalbna” tal-mibki l-Prof. Joseph Vella fost ħafna ċapċip mill-pubbliku numeruż li kien hemm.
Intant, dak inhar stess filgħodu sar simposju fuq Vincenzo Cremona, ġewwa l-Każin tal-Għaqda Mużikali ta’ San Ġorġ Martri fejn kien hemm mistiedna numru ta’ kelliema esperti fuq l-istorja, l-arti u l-kultura. Għad dan is-simposju attendew iż-żewġ presidenti tal-baned u delegazzjoni mill-kumitati tagħhom.
Ma hemmx dubju li l-avveniment kien wieħed ta’ suċċess kbir, fejn il-poplu ta’ Ħal-Qormi attenda bi ħġaru u ta merħba mill-aqwa lil San Ġorġ Rebbieħ. Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-awgurju tagħna għall-festa mill-aqwa u nagħmlu appuntament għall-festa tagħna ġewwa l-Belt Victoria minn hawn u ftit ġimgħat oħra.
Viva San Ġorġ !